Ejjew nagħtu l-ħajja u futur ġdid lit-tfal neqsin minn kollox fil-Kambodja

Nafu sewwa li fost il‑komunitajiet l‑iktar foqra u neqsin minn kull attenzjoni fil‑Kambodja kif ukoll f’pajjiżi oħra li qed jiżvilluppaw, it‑tfal huma fost l‑iktar vulnerabbli. 

Ħafna tfal ma jistgħux imorru l‑iskola jew għax iridu jieħdu ħsieb lil ħuthom waqt lill‑ġenituri jkunu jaħdmu sigħat twal biex jaqilgħu kemm kemm iżommu lill‑familja ħajja jew, agħar minn hekk, għax ikollhom imorru jaħdmu huma stess għall‑qligħ verament miżeru. Ħafna ġenituri, anki jekk ċertament jixtiequ, ma jistgħux iħallsu għall‑miżati tal‑iskola. Il‑konsegwenza ta’ dan kollu hi, li dawn it‑tfal, bla skola, jispiċċaw jew fil‑prostituzzjoni, jew mibjugħin jew jinqabdu fi skwadri ta’ kriminalità u droga. Verament ħasra kbira, imma min jista’ jgħinhom?

“Jekk dawn it-tfal jirċievu edukazzjoni tajba, dawn it-tfal ikunu aktar ħielsa li jiddeċiedu ħajjithom…itejbu ħajjithom. Hekk ikunu meħlusa mill-faqar li l-ġenituri tagħhom bħalissa qed iġarrbu.

Sr Eulie.

 

It‑tema għall‑APPELL marbut max‑xahar missjunarju ta’ Ottubru ta’ din is‑sena u partikularment mal‑Ġurnata Missjunarja huwa ispirat mill‑Vanġelu ta’ San Mattew, “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill‑iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mattew 25:40). B’dan l‑appell qegħdin niffokaw fuq it‑tfal neqsin minn kollox fil‑Kambodja biex bil‑ġenerożità tagħna l‑Maltin u l‑Għawdxin, ngħinuhom jiksbu ħajja dinjituża b’mod speċjali permezz ta’ faċilitajiet għall‑edukazzjoni tagħhom. Tweġiba konkreta għal dan l‑appell tista’ tkun ir‑reazzjoni tagħna għas‑sejħa tal‑Papa Franġisku biex noħolqu ‘Oasi ta’ Ħniena’ u nuru ħniena kif inhu ħanin magħna Missierna tas‑Sema filwaqt li niftakru fil‑kliem ta’ Ġesù “Ħennu bħalma hu ħanin Missierkom” (Luqa 6:36).

Bil‑ġenerozità tagħkom fil‑ġabra ta’ llum u anki tal‑envelop tal‑missjoni, MISSIO Malta hija mitluba
biex tgħin ħalli Sr. Eulie jkollha iktar vannijiet ‘Tuk Tuk’, iktar għalliema, iktar materjal għat‑tagħlim, iktar kotba biex twassal il‑valuri nsara u anki iktar ikel biex tagħti dinjità u tama ta’ futur iktar sabiħ lil eluf ta’ tfal. Irridu ngħidu li din is‑sitwazzjoni ta’ tfal teżisti f’ħafna pajjiżi oħra fejn MISSIO huwa wkoll mitlub li jgħin.

 

Ghamel id-donazzjoni tieghek 

Tista’ tniżżel dan il-filmat għal użu tal-parroċċa, għaqda jew skola minn hawn.

Messag mill-Papa Frangisku

Messag mill-Isqfijiet

Rizorsi