Bishops Message 2016

Arcisqof ta' Malta - Mons. Charles J. Scicluna

Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj, u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ. Meta kien sar il-ħin ġmielu, resqu d-dixxipli tiegħu u qalulu: “Dan post imwarrab, u ġa sar ħafna ħin. Ibgħathom, ħa jmorru fl-irziezet u fl-irħula tal-qrib jixtru xi ħaġa x’jieklu.” Iżda hu weġibhom: “Agħtuhom intom x’jieklu.”
Mark 6, 34-37

 

Mibgħuta biex inħennu

Din is-sena, il-Ġurnata Missjunarja għandha tifsira speċjali ħafna fid-dawl tal-Ġublew tal-Ħniena li qed niċċelebraw.

Il-mandat ewlieni ta’ Ġesù lill-Dixxipli tiegħu huwa “Morru u għallmu lill-ġnus kollha” (Mt 28, 19), u fuq dan il-kmand ta’ Ġesù hija mibnija l-Knisja. Ix-xandir tal-aħbar it-tajba tal-Evanġelju lill-bnedmin kollha huwa l-għan ewlieni tal-Knisja, mhux biss għax huwa l-kmand ta’ Ġesù, iżda għax il-Knisja temmen u trid li l-bnedmin kollha, li għandhom id-dritt għas-salvazzjoni, taslilhom l-aħbar it-tajba tal-ħniena u l-imħabba ta’ Alla.

Il-Papa Franġisku fil-messaġġ tiegħu għall-Ġurnata Missjurnarja ta’ din is-sena jgħid li, meta bniedem jiltaqa’ mal-ħniena ta’ Alla, il-qalb tal-Missier tifraħ. Il-ħniena tasal għand il-bniedem, jekk il-bniedem isir jaf biha, xi ħadd iwassalhielu. Din hi l-missjoni, dan hu li aħna nirriflettu dwaru iżjed mis-soltu fil-Ġurnata Missjunarja.

Ġesù, fl-Evanġelju ta’ San Mark, wara li għadda l-lejl fit-talb, niżel mid-dagħjsa u ra n-nies u tħassarhom u beda jgħallimhom. Il-verbi li juża San Mark biex jirrakkonta dawn il-ġrajja jiftħulna għajnejna dwar is-sejħa missjunarja li lkoll għandna bħala Knisja.

Ġesù kien għadu kif talab, għadda l-lejl mal-Missier. It-talb jibdililna l-viżjoni; bit-talb nibdew naħsbu kif jaħseb Alla, nittieħdu minnu.

Ġesù ra n-nies. Meta l-viżjoni tinbidel nibdew naraw dak li s-soltu ma narawx. Naraw dak li jara Alla – dak li bl-għajnejn tal-esperjenza umana biss ma narawx – naraw dak li tara il-qalb ta’ Alla mhux dak li jara l-moħħ tal-bniedem.

Dak li naraw b’mod ġdid iwassalna biex bħal Ġesù inħossu qalbna tingħafas u nitħassru lill-bnedmin li “m’għandhomx ragħaj”. Il-ħasra ma tieqafx fuq ommha. Jekk tieqaf hemm ma tiswa xejn.

Il-ħasra tinbidel fi ħniena, li Ġesù jgħixha b’mod konkret fuq żewġ livelli. L-ewwel jibda jgħallimhom u mbagħad jitmagħhom. Żewġ opri tal-ħniena. Għax il-ħniena tissarraf f’ħajja.

“Morru u għallmu” u “Agħtuhom intom x’jieklu” din hi l-biċċa xogħol ħelwa li Ġesù qed jafdalna f’idejna llum. Il-Missjoni tagħna hi li niftħu l-għajnejn ta’ min jisnab fid-dlam bil-ħlewwa iżda bla biża; li nitimgħu lil min hu bil-ġuħ b’ġenerożità u b’imħabba minn dak li Alla stess, fil-provvidenza tiegħu, jagħtina.

+ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Isqof t'Ghawdex - Mons Mario Grech

Il-Papa Franġisku spiss ikellimna dwar il-ħtieġa li bħala Knisja nagħmlu “konverżjoni pastorali” biex nerġgħu nagħtu prijorità lit-tħabbira fundamentali: “l-imħabba personali ta’ Alla li sar bniedem, ta lilu nnifsu għalina, u, għax hu ħaj, joffrilna s-salvazzjoni u l-ħbiberija tiegħu” (Evangelii gaudium 128). Inħoss li din is-sejħa hija appell ukoll għall-ħidma li l-Knisja twettaq qalb il-foqra f’dawk li nsejħulhom l-artijiet tal-missjoni. Ilkoll hemm bżonn niġġeddu f’li nagħmlu għażla preferenzjali favur il-foqra billi niddakkru dejjem aktar mill-ħarsa ta’ Kristu, Wiċċ il-Ħniena tal-Missier. Il-foqra mhumiex sempliċiment dawk li għandhom bżonn l-għajnuna tagħna, imma huma nfushom evanġelizzaturi għaliex “għandhom ħafna x’jgħallmuna. Barra li għandhom sehem fis-sensus fidei, bit-tbatijiet tagħhom huma jiltaqgħu ma’ Kristu li jbati.” (Evangelii gaudium 198).
Għaldaqstant minn atteġġjament ta’ fejn inħossu li aħna dawk li ngħinu lilhom, irridu dejjem aktar ngħixu l-ħidma missjunarja bħala skambju fejn aħna wkoll niġu mgħejjuna minn dawn ħutna fil-bżonn. Infatti l-frażi evanġelika magħżula biex tmexxi l-ħidma tal-Uffiċċju Missjunarju matul din is-sena tfakkarna proprju li l-foqra jagħtuna l-opportunità li niltaqgħu u nuru l-qima tagħna lil Mulej Ġesù: “Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.” (Mt 25:40). Aktar kemm iseħħilna nitfgħu l-ħarsa tagħna fuq Kristu sabiex fiH tibda u fiH tintemm kull ħidma missjunarja tagħna, aktar iseħħilna nġarrbu l-esperjenza sabiħa ta’ min huwa u jevanġelizza jiġi evanġelizzat.
Nawgura lilkom li taħdmu u tgħinu l-Uffiċċju Missjunarju kull ġid u barka mingħand il-Mulej.

Mill-Kurja tal-Isqof, Belt Victoria, 6 ta’ Ġunju 2016.

+ Mario Grech
   Isqof ta’ Għawdex