April 2017

April 2017

Spiss nisimgħu stejjer ta’ qsim il-qalb ġejjin minn pajjiżi tat-tielet dinja. Stejjer li jġegħluna nieqfu naħsbu u nitħassru lil dawn in-nies u tfal foqra. Imma aħna x’nistgħu nagħmlu minn hawn Malta? Xi voluntiera, l-aktar żgħażagħ, tiġihom is-sejħa li jmorru jgħinu f’dawn il-pajjiżi missjunarji u tista’ tgħid li jispiċċaw aktar jieħdu milli jagħtu. Dan kif jixhduh huma stess. Biss aħna lkoll nistgħu l-ewwel u qabel kollox niftakru f’dawn ħutna permezz tat-talb u permezz ta’ donazzjonijiet.

Matul ix-xahar ta’ April, tista’ taqra fil-magażin Malta Missjunarja, li huwa pubblikazzjoni ta’ Missio Malta, id-dettalji ta’ xi żjajjar li d-Direttur Nazzjonali Mons. Salvinu Micallef, għamel matul ix-xhur ta’ Jannar u Frar fejn ra b’għajnejh stess ix-xogħol li sar u li qed isir b’dawn id-donazzjonijiet. F’dan il-magażin, li joħroġ darba fix-xahar, fost ħafna informazzjoni oħra, issib tagħrif dwar il-proġetti li wettaq Missio Malta, aħbarijiet mill-missjoni, l-intenzjoni missjunarja tax-xahar, riċetta tradizzjonali u paġna tal-logħob. Storja partikolari tlaqqagħna ma’ ex-mudella Kolumbjana ta’ fama kbira li għażlet li tieqaf mill-karriera tagħha biex tgħin lill-persuni anqas ixxurtjati minnha. Fi storja oħra niltaqgħu ma’ Benjamin li minn tifel jgħix f’miżbla spiċċa maniġer ta’ kumpanija.

Għal aktar tagħrif jew biex tabbona fil-magażin Malta Missjunarja ċempel l-uffiċċju ta’ Missio Malta fuq 21 236 962 jew ibgħat imejl fuq info@missio.org.mt