frar-2017

Frar 2017

Għal dawn l-aħħar 25 sena, kull nhar il-11 ta’ Frar, festa tal-Madonna ta’ Lourdes, il-Knisja Kattolika tfakkar il-Jum Dinji tal-Morda. Għal din l-okkażjoni l-Papa jagħżel tema u jgħaddi messaġġ lill-bnedmin ta’ rieda tajba. Kien propju Papa San Ġwanni Pawlu II li beda għall-ewwel darba din it-tradizzjoni sabiħa.

Matul ix-xahar ta’ Frar, tista’ taqra aktar dwar dan il-messaġġ fl-editorjal tal-magażin Malta Missjunarja, li huwa pubblikazzjoni ta’ Missio Malta. Minbarra dan, tista’ wkoll taqra l-messaġġ li ta’ kull xahar jgħaddi d-Direttur Nazzjonali Mons. Salvinu Micallef, diversi stejjer oħra u esperjenzi mid-dinja missjunarja. F’dan il-magażin, li joħroġ darba fix-xahar, fost ħafna informazzjoni oħra, issib tagħrif dwar il-proġetti li wettaq Missio Malta, aħbarijiet mill-missjoni, l-intenzjoni missjunarja tax-xahar, riċetta tradizzjonali u paġna tal-logħob. Storja partikolari tlaqqagħna ma’ Dun Ros, bidwi Kambodjan li minn Buddista sar saċerdot Kattoliku. Ma tonqosx ukoll it-tislima ferm xieraq lil Mons. Mikielanġ Camilleri, li ħalla din id-dinja nhar is-Sibt 17 ta’ Diċembru. Huwa għal xi żmien serva bħala editur tar-rivista Malta Missjunarja.

Għal aktar tagħrif jew biex tabbona fil-magażin Malta Missjunarja ċempel l-uffiċċju ta’ Missio Malta fuq 21236962 jew ibgħat imejl fuq info@missio.org.mt. Ma’ kull abbonament ġdid ta’ sena qed jingħata kalendarju tal-missjoni tas-sena 2017.

 

Applika onlajn