Marzu 2017

Marzu 2017

Ta’ kull sena, il-Knisja Kattolika tagħżel ix-xahar t’Ottubru bħala x-xahar iddedikat lill-missjonijiet. Filwaqt li l-Ħadd ta’ qabel l-aħħar ikun proprju Jum il-Missjoni, li l-aħħar wieħed kien iċċelebrat nhar it-23 ta’ Ottubru 2016. Dakinhar il-knejjes Kattoliċi kollha madwar id-dinja, inkluż il-knejjes f’Malta u f’Għawdex, jagħmlu ġabra speċjali b’risq il-missjoni. Din il-ġabra mill-parroċċi Maltin u Għawdxin tintbagħat lil Missio Malta.

Matul ix-xahar ta’ Marzu, tista’ tara fil-magażin Malta Missjunarja, li huwa pubblikazzjoni ta’ Missio Malta, il-lista ddettaljata tal-ġabriet li saru f’kull parroċċa, kappella u ċentru,. Minbarra dan, tista’ wkoll taqra l-messaġġ li ta’ kull xahar jgħaddi d-Direttur Nazzjonali Mons. Salvinu Micallef, diversi stejjer oħra u esperjenzi mid-dinja missjunarja. F’dan il-magażin, li joħroġ darba fix-xahar, fost ħafna informazzjoni oħra, issib tagħrif dwar il-proġetti li wettaq Missio Malta, aħbarijiet mill-missjoni, l-intenzjoni missjunarja tax-xahar, riċetta tradizzjonali u paġna tal-logħob. Storja partikolari tlaqqagħna mal-‘Lady Mechanic’, mara Niġerjana li ggradwat fl-inġinerija mekkanika u qed tagħmel xogħol li huwa meqjus maskili. Bis-saħħa tagħha ħafna tfajliet qed jagħżlu li jiggradwaw f’din is-sengħa minflok jaqgħu f’xi vizzju jew jispiċċaw fil-prostituzzjoni.

Għal aktar tagħrif jew biex tabbona fil-magażin Malta Missjunarja ċempel l-uffiċċju ta’ Missio Malta fuq 21 236 962 jew ibgħat imejl fuq info@missio.org.mt