Mejju 2017

Qatt għaddielek minn moħħok x’jista’ jfisser ismek? Wisq probabbli li inti msemmi/ha għal xi qaddis/a jew għal xi nanniet jew forsi għax meta twelidt inti kien moda ismek dik il-ħabta. Imma mhux dan il-każ fost l-ismijiet li jingħataw lit-trabi fiż-Żambja, għax dawn isimhom jixhed iċ-ċirkostanza li fiha jkunu twieldu u li ħafna drabi tkun kerha. Pereżempju jekk tkun twelidt u ma xtaqukx taf isemmuk Mavuto li tfisser oqtlu!

Matul ix-xahar ta’ April, tista’ tkompli taqra aktar dwar dawn l-ismijiet strambi fil-magażin Malta Missjunarja, li huwa pubblikazzjoni ta’ Missio Malta. Issib ukoll dettalji ta’ żjajjar li d-Direttur Nazzjonali Mons. Salvinu Micallef, għamel matul ix-xhur ta’ Jannar u Frar fejn ra b’għajnejh stess ix-xogħol li sar u li qed isir bid-donazzjonijiet li jinġabru matul is-sena, l-aktar fil-Ġurnata Missjunarja. F’dan il-magażin, li joħroġ darba fix-xahar, fost ħafna informazzjoni oħra, issib tagħrif dwar il-proġetti li wettaq Missio Malta, aħbarijiet mill-missjoni, l-intenzjoni missjunarja tax-xahar, riċetta tradizzjonali u paġna tal-logħob. Storja partikolari tlaqqagħna ma’ ex-‘footballer’ ta’ fama internazzjonali, li wara li rtira mill-karriera ddeċieda li jidħol parti Dumnikan. Storja oħra tlaqqagħna ma’ żewġt ibniet bla mnieħer li ġew addottati minn tfajla minn Ohio.

Għal aktar tagħrif jew biex tabbona fil-magażin Malta Missjunarja ċempel l-uffiċċju ta’ Missio Malta fuq 21 236 962 jew ibgħat imejl fuq info@missio.org.mt