Ottubru 2016

Ottubru 2016

Mix-xahar ta’ Ottubru il-magażin Malta Missjunarja, li huwa pubblikazzjoni ta’ Missio Malta, ser iżid il-paġni tiegħu bi 8. B’hekk l-ammont ta’ paġni ser jitla’ għal 40 paġna. Dan il-pass inħass li kellu jsir min-naħa tal-bord editorjali biex dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-missjoni, ikollhom aktar tagħrif dwar dan is-suġġett. L-editorjal jagħti ftit tagħrif dwar il-Kambodja; il-pajjiż li għalih din is-sena Missio Malta qed jiffoka l-ġbir kollu ta’ matul ix-xahar missjunarju. It-tema magħżula għal din is-sena hi: “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti għamiltuh miegħi.” (Mt 25:40) Il-ġbir ta’ fondi ser imur biex jinxtraw ‘mobile caravans’ minn fejn ikunu jistgħu jiġu mgħallma t-tfal foqra tat-triq.

Minbarra dan, tista’ wkoll taqra diversi stejjer oħra u esperjenzi mid-dinja missjunarja. F’dan il-magażin, li joħroġ darba fix-xahar, issib tagħrif dwar il-proġetti li wettaq Missio Malta, aħbarijiet mill-missjoni u minn madwar id-dinja kollha, l-intenzjoni missjunarja tax-xahar, riċetta tradizzjonali u paġna tal-logħob, fost ħafna informazzjoni oħra. Issib ukoll lista dettaljat ta’ kif tqassmu l-flus miġbura fis-sena 2015 u tagħrif dwar il-programm u l-attivitajiet li ser isiru kemm matul ix-xahar ta’ Ottubru, kif ukoll fil-Ġurnata Missjunarja li taħbat nhar il-Ħadd 23 ta’ Ottubru.

Għal aktar tagħrif jew biex tabbona f’Malta Missjunarja ċempel l-uffiċċju ta’ Missio Malta fuq 21236962, jew ibgħat imejl fuq: info@missio.org.mt

Kull min jabbona ser jingħata kalendarju b’xejn tas-sena 2017.

Applika onlajn