Arċisqof ta' Malta - Mons. Charles J. Scicluna

“Jien ġejt biex ikollkom il‑ħajja u ħajja bil‑kotra”

Gwanni: 10:10

Il‑karba ta’ Ġesù tidwi mal‑erbat irjieħ tad‑dinja u tinstema’ minn kullimkien. Aħna nistgħu nsoddu widnejna biex ma nisimgħux u, jekk nisimgħu, nistgħu ngħidu li mhux qed nifhmu.  Imma Alla jisma’ l‑karba li toħroġ mill‑qalb abbandunata qabel tasal biex toħroġ mill‑fomm.l‑karba ta’ Ġesù fuq is‑salib:  “Elì, Elì, lama sabaktani” li l‑Evanġelista San Mattew ifissrilna bħala “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni” tista’ tkun il‑karba ta’ eluf ta’ bnedmin imxerrdin mad‑dinja, li jħossu u jinsabu tassew weħidhom. Weħidhom mhux bilfors fis‑sens li huma mingħajr il‑preżenza ta’ bnedmin oħra madwarhom, imma ħadd ma japprezzahom, ħadd ma jifhem il‑ħtiġijiet tagħhom u jkun lest li jaqdihom. Ħafna jħossuhom weħidhom, mitluqin fil‑mentalità negattiva tal‑persekuzzjoni, tal‑egoċentriżmu, tar‑relativiżmu u tal‑mewt.

It‑tweġiba tal‑leħen mis‑sema hija tweġiba li timla lil dawn il‑qlub, l‑ewwel u qabel kollox, bit‑tama, bix‑xaqq ta’ dawl fid‑dlam tal‑lejl li donnu ma jispiċċa qatt. “Jien ġejt biex ikollkom il‑ħajja, u ħajja bil‑kotra.” Mhux ħajja biss imma ħajja bil‑kotra.  San Pawl fit‑tieni ittra lill‑Korintin jitkellem dwar din il‑ħajja “Meta wieħed jingħaqad ma’ Kristu, isir ħolqien ġdid; il‑qadim għadda u daħal il‑ġdid.” (5,17)

L‑għan tas‑sejħa missjunarja tal‑Knisja huwa li jagħti din il‑ħajja bil‑kotra, din il‑ħajja ġdida lil kull bniedem. Mhix biss predikazzjoni tat‑tama iżda twettiq veru u konkret f’kull ambjent u sitwazzjoni lil kull bniedem, li ismu, kif jgħid il‑profeta Iżaija, huwa minqux fuq il‑keffa ta’ id Alla, jista’ jsib ruħu fih.  Bħalma kif jgħid il‑Papa Franġisku fil‑messaġġ tiegħu għal Jum il‑Missjoni ta’ din is‑sena: “Għalhekk il‑missjoni tal‑Knisja mhix li xxerred ideoloġija reliġjuża u lanqas il‑proposta ta’ etika mill‑aqwa. Ħafna movimenti fid‑dinja jafu jipproduċu ideali għoljin jew espressjonijiet etiċi notevoli. Permezz tal‑missjoni tal‑Knisja, hu Ġesù Kristu li jissokta jevanġelizza u jaġixxi, u għalhekk hi tirrappreżenta l‑kairos, iż‑żmien it‑tajjeb tas‑salvazzjoni fl‑istorja.”

Dan hu ż‑żmien it‑tajjeb li fih aħna, bħala komunità nisranija, nirrevedu r‑rwol tagħna fit‑tweġiba għal din is‑sejħa. Il‑ħajja ma tiġix trażmessa weħidha.  Alla jgħaddiha lilna bil‑kotra, joħloqna mill‑ġdid bl‑imħabba li jgħaddilna permezz ta’ Ibnu, li għadda mill‑esperjenza tal‑abbandun u miet għalina, biex aħna ngħadduha lill‑oħrajn. L‑imħabba ma tistax tgħixha waħdek. Weħidha ma teżistix.

Għalhekk filwaqt li, b’ġenerożità, ngħinu finanzjarjament il‑ħidma missjunarja tal‑Knisja, nitolbu għal dawk li jwettquha u nitolbu għalina nfusna u nagħmlu kuraġġ biex ħajjitna tkun xhieda ta’ din il‑ħajja bil‑kotra li Alla jagħti, billi nħeġġu lilna nfusna u lil ħaddieħor biex jissieħeb fl‑għoti ta’ din il‑ħajja ġdida, fil‑ħidma missjunarja tal‑Knisja.

Minn qalbi nirringrazzjakom u nirringrazzja b’mod speċjali lill‑missjunarji Maltin li qed iwieġbu l‑karba ta’ Ġesù fuq is‑salib billi jwasslu l‑imħabba tiegħu lill‑proxxmu. Fejn hemm intom, hemm jinsab Ġesù Kristu u l‑Knisja tiegħu.

+ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Isqof t'Għawdex - Mons. Mario Grech

Għeżież,

Il‑Jum Missjunarju huwa għażiż għalina mhux biss għax jagħtina l‑opportunità li nirriflettu dwar l‑artijiet tat‑tielet dinja u l‑missjonijiet li hemm fihom – partikularment dawk fejn hemm il‑missjunarji Maltin u Għawdxin – imma wkoll jagħtina ċans nirriflettu dwar min hi l‑Knisja! Dan jgħidu l‑Papa Franġisku fil‑bidu tal‑messaġġ tiegħu għal din is‑sena: “Din il‑ġurnata tistedinna nirriflettu mill‑ġdid dwar il‑missjoni għall‑qalba tal‑fidi Kristjana. Infatti, il‑Knisja hija missjunarja min‑natura tagħha stess; jekk ma tkunx hekk ma tibqax iktar il‑Knisja ta’ Kristu, imma assoċjazzjoni, bħal ħafna oħrajn, li malajr tispiċċa bla skop u tisparixxi.”

Inħoss li fenomenu interessanti li jgħinna f’din ir‑riflessjoni ferm meħtieġa għall‑Knisja f’Malta u f’Għawdex huwa n‑numru dejjem jiżdied ta’ persuni u gruppi li jmorru jagħmlu esperjenzi fl‑artijiet tal‑missjoni. Ġieli niltaqa’ ma’ nies li ġew lura minn dawn l‑esperjenzi b’idea mibdula ta’ x’inhi l‑Knisja u x’inhi l‑fidi tagħna. Jibdlu wkoll l‑idea mhix minnha, li wieħed imur il‑missjoni jagħmilha tal‑eroj, “iqassam u jagħti lill‑foqra” li m’għandhom xejn, meta jinduna li kien hu l‑iktar wieħed li tgħallem u li ħa mingħandhom. Insellem lil dawk il‑missjunarji tagħna li batew ħafna proprju għax fettxew li “jikkoreġu” din il‑mentalità.

Għalhekk inħoss li fil‑Jum Missjunarju tajjeb nirriflettu fuq kif il‑missjonijiet li għandha l‑Knisja huma għalina ta’ għajn biex inġeddu l‑ħajja fil‑knejjes tagħna u nagħmluha iktar missjunarja. Ma nħarsux iktar lejn l‑artijiet tal‑missjoni bħala sempliċiment “kolonji” li jiddependu mill‑karità tagħna, imma knejjes żgħażagħ li jgħinuna nerġgħu ndakkru fina l‑fidi fl‑iktar elementi sempliċi u essenzjali tagħna, kif ukoll l‑involviment tal‑lajċi bħala kollaboraturi tas‑saċerdot f’kull qasam tal‑ħajja ekkleżjali.

Jalla din il‑ġurnata missjunarja tgħin lill‑Knisja tagħna tiddawwal mill‑esperjenzi tal‑missjoni.

+ Mario Grech
   Isqof ta’ Għawdex