Bishops’ Message 2015

Arcisqof ta' Malta - Mons. Charles J. Scicluna

Huwa ta’ pjaċir kbir għalija li, permezz ta’ dan il‑messaġġ, insellem lill‑missjunarji Maltin u Għawdxin madwar id‑dinja. Kulħadd jaf bil‑preżenza sabiħa ta’ dawn ħutna f’sitwazzjonijiet u pajjiżi fejn hemm diffikultajiet umanitarji kbar, u anke nuqqas ta’ tagħlim u nuqqas ta’ fidi. Ix‑xhieda ta’ ħutna l‑missjunarji hija xhieda umanitarja u Nisranija. Hija xhieda li aħna għandna d‑dover niftakru fiha u anke nappoġġjaw. 

Jekk aħna l‑Maltin nitilfu dan is‑sens missjunarju, wisq nibża’ li niddgħajfu fl‑impenn tal‑fidi tagħna. Aħna wlied Appostlu missjunarju, aħna wlied San Pawl. Fid‑DNA tal‑fidi tagħna hemm is‑sejħa li nkunu missjunarji, li naqsmu s‑sbuħija tal‑fidi tagħna ma’ ħaddieħor. Nistgħu nagħmlu hekk l‑ewwelnett bit‑talb lil Alla biex iħares il‑missjunarji tagħna u jseddaqna b’iktar vokazzjonijiet missjunarji; nistgħu noffru wkoll appoġġ finanzjarju lill‑kawżi li jippromovu l‑ispirtu missjunarju fid‑dinja. 

Irrid insellem ukoll lil tant żgħażagħ u tant lajċi li jagħżlu li jagħmlu ftit xhur ta’ esperjenza missjunarja. Lajċi oħrajn jitilqu kollox biex imorru f’artijiet fejn il‑fidi birdet, u jagħtu x-xhieda tagħhom ta’ ħajja Nisranija. Dan mhux mingħajr diffikultajiet kbar, imma ċertament b’ġenerożit. u b’imħabba kbira.

Jiena nawgura lill‑poplu Malti mill‑ġdid, biex bħalma għamel dejjem, ikun ġeneruż mal‑missjunarji Maltin tagħna. Waqt li nsellem lill‑familji għeżież tagħhom, nassigurahom li l‑Knisja f’Malta mhi qatt se tinsa lil dawn uliedha, li għalkemm imbiegħdin fiżikament minn artna, huma ħafna qrib il‑qalb tagħna.

Nagħti lil kulħadd il‑Barka Pastorali tiegħi.

+ Charles J. Scicluna

    Arċisqof ta’ Malta

Isqof t'Ghawdex - Mons Mario Grech

Ftit tas‑snin ilu ltqajt ma’ familja. Qaluli li t‑tifel tagħhom, li kien jattendi skola sekondarja, xtaq jitgħallem il‑lingwa Spanjola. Għalija hu normali li adoloxxent ikollu namra mal‑lingwi; imma l‑element straordinarju f’dan il‑każ, kienet ir‑raġuni għaliex dan it‑tfajjel ried jitgħallem il‑lingwa Spanjola: kien qed jaħseb biex meta jikber ikun jista’ jmur jagħmel esperjenza missjunarja f’xi pajjiż fl‑Amerika Latina. Għaddew is‑snin u erġajt ġejt wiċċ imb wiċċ ma’ din il‑persuna, illum żagħżugħ. Sibt li llum mhux biss jitkellem bl‑Ispanjol, imma għadu bil‑ħajra li jmur il‑missjoni. 

Kien hemm diversi fatturi li għenu titnissel fil‑qalb ta’ din il‑persuna l‑imħabba lejn il‑missjoni. Kien jaf saċerdot mill‑parroċċa tiegħu li qiegħed fil‑missjoni. L‑interess li kellu fil‑ħidma soċjali li twettaq il‑Knisja fil‑missjoni kien isuqu biex iżomm ruħu infurmat dwar l‑aħħar żviluppi. Fuq kollox, kien iħossu affaxxinat mill‑persuna ta’ Ġes. u għalhekk kien kurjuż dwar kull xorta ta’ inizjattiva missjunarja maħsuba biex tlaqqa’ lill‑bniedem ma’ Ġes.. Meta tkellimt ma’ dan il‑ġuvnott, fhimt li għalkemm kien hemm diversi persuni u gruppi li kebbsu fih l‑imħabba għall‑missjoni, ħadd u xejn ma jiżboq l‑għajnuna li tawh il‑ġenituri tiegħu. Kienu huma li xegħlu fih l‑ewwel fjamma għall‑missjoni, kemm b’dak li kienu jgħidulu kif ukoll bl‑eżempju tajjeb li kien jara fihom meta kien jarahom jgħinu ’l-Knisja missjunarja. 

Il‑familja tibqa’ l‑aqwa forġa li ssawwar il‑karattru tal‑bniedem u tqiegħed fih il‑pedament tal‑ħajja Nisranija. Huwa tassew providenzjali li f’Ottubru li ġej, il‑Knisja ser tiċċelebra s‑Sinodu tal‑Isqfijiet li għandu bħala suġġett il‑vokazzjoni u l‑missjoni tal‑familja. Skont dokument li għadu kif ħareġ, wieħed mill‑aspetti tal‑familja li ser niddiskutu waqt is‑Sinodu huwa kif nistgħu nippreparaw u niffurmaw il‑familja biex tkun tista’ takkumpanja familji oħra ħalli jgħixu ħajja Nisranija. F’dan il‑kuntest tissemma’ d‑dimensjoni missjunarja tal‑familja tant li l‑Knisja tħeġġeġ lill‑familji sabiex ikunu “familji missjunarji” (Working Document, 72). 

Għalhekk nappella lil kulħadd, b’mod partikulari lill‑familji, biex fil‑ġimgħat li ġejjin nitolbu għas‑suċċess ta’ dan is‑Sinodu. Għandna tama qawwija li permezz ta’ dan is‑Sinodu l‑Knisja ser tkompli tagħmel għażliet pastorali kuraġġjużi biex iġġib ’il quddiem kultura favur il‑familja; għax jekk il‑familja tiġi nieqsa, inkunu tlifna riżorsa soċjali u ekkleżjali importanti ħafna. 

Fin‑nuqqas ta’ familji b’saħħithom, kollox jintesa, anke l‑istess kawża missjunarja tal‑Knisja. Kif semmejt aktar ’il fuq, kieku dak iż‑żagħżugħ ma sabx mixtla missjunarja fil‑familja tiegħu, qajla kien jikber b’dak l‑indirizz missjunarju. Għaldaqstant, kull min għandu għal qalbu l‑ħidma missjunarja għandu wkoll juri interess fil‑pastorali familjari għax il‑familja hija l‑benniena ta’ kull vokazzjoni, inkluża dik missjunarja. 

Mill‑Kurja tal‑Isqof, Victoria, 16 ta’ Lulju 2015, Festa tal‑Madonna tal‑Karmnu.

+ Mario Grech

   Isqof ta’ Għawdex

Tista’ tniżżel verżjoni printjajta billi tagħfas hawn.