Il-Maratona annwali għall-ġbir ta’ Fondi ta’ Missio Malta se ssir nhar is-Sibt 15 ta’ Marzu
Nhar is-Sibt 15 ta’ Marzu, Missio Malta se terġa’ tkun qed torganizza l-Maratona annwali tagħha biex tiġbor fondi għall-proġetti li twettaq fil-pajjiżi tal-missjoni.
Din is-sena, it-tema tal-maratona hija ispirata mit-tema tal-Ġublew Dinji li qed jiġi ċċelebrat madwar id-dinja Nisranija, jiġifieri it-tama. ‘Il Quddiem bit-Tama, hija l-għajta ta’ Missio Malta, biex tħeġġeġ lill-Maltin u l-Għawdxin jagħtu t-tama lil min tant jeħtieġ, permezz tal-ħidma tal-missjunarji u l-voluntiera ta’ Missio Malta.
Il-maratona se tkun imxandra live bejn il-11 ta’ filgħodu u l-11 ta’ bil-lejl, fuq is-sit ta’ TVM kif ukoll fuq l-istazzjonijiet ONE, NET, F Living TV, u Xejk TV.
“Il-preparamenti issa ilhom għaddejin ġmielhom, u issa wasalna biex intellgħu maratona oħra, li hija kruċjali għall-operat ta’ Missio Malta. Is-suċċess tal-maratona jiddetermina kemm Missio tkun kapaċi tkompli bil-ħidma tagħha għas-sena li ġejja, biex tkompli tibni l-iskejjel, tipprovdi l-edukazzjoni, tibni bjar għall-ilma nadif, u djar fejn jorqdu familji sħaħ fil-pajjiżi tal-Afrika, l-Ażja u l-Amerika t’Isfel,” stqarr Robert Farrugia, il-Kap tal-Komunikazzjoni u l-Ġbir ta’ Fondi ta’ Missio Malta.
“Kif nagħmlu kull sena, il-pubbliku Malti, waqt il-maratona se jkun jista’ jiltaqa’ mal-protagonisti tas-suċċessi ta’ Missio b’riżq il-missjoni – jiġifieri it-tfal u l-familji li jgawdu minn dawn il-proġetti ta’ fejda, iżda wkoll mal-missjunarji Maltin u internazzjonali li grazzi għall-ħidma ma taqta’ xejn tagħhom, dan kollu jkun possibbli.”
Waqt il-Maratona, iżda anke fil-jiem ta’ qabel u ta’ wara, Missio Malta qed tilqa’ d-donazzjoni permezz ta’ wieħed minn dawn il-mezzi ta’ hawn taħt:
BOV mobile u APS P2M – 77236962
Ċempel – 51802064 – €25
Ċempel – 51902061 – €50
www.missio.org.mt/donate
#hope #MissioFest #ilmissioint #missioisyou

