It-Tielet Staġun ta’ Dinja Mutur: Din id-darba jmiss il-pajjiżi tal-Amerika t’Isfel!

Il-Biker Malti Stephen Formosa, fil-jiem li għaddew reħilha lejn il-kontinent Ameriko-Latin, sabiex iżur u jixħet dawl fuq il-proġetti ta’ Missio, permezz tal-programm innovattiv Dinja Mutur.

Il-Programm popolari Dinja Mutur ser jirritorna għat-tielet staġun, u ser jerġa jkun qed jieħu lit-telespettaturi Maltin fuq vjaġġ inkredibbli f’pajjiżi mbiegħda, din id-darba fil-pajjiżi tal-Amerika t’Isfel.

Dan l-istaġun isegwi tnejn oħra ta’ suċċess fejn il-biker Malti Stephen Formosa żar proġetti ta’ Missio fl-Afrika u fl-Ażja.

“Kien ta’ sodisfazzjon kbir għalina, li l-ewwel żewġ edizzjonijiet tal-programm Dinja Mutur irreġistraw suċċess notevoli mal-pubbliku Malti, tant li flimkien ma’ Stephen iddeċidejna li nagħmlu t-tielet edizzjoni, din id-darba ġewwa l-pajjiżi tal-Amerika t’Isfel. Din id-darba Stephen ħa jkun qed iżur ammont rekord ta’ pajjiżi, jiġifieri 18-il pajjiż differenti. Dawn huma ċ-Ċilè, l-Arġentina, l-Urugwaj, il-Brażil, il-Paragwaj, il-Bolivia, il-Perù, l-Ekwador, il-Kolombja, il-Venezwela, il-Panama, il-Kosta Rika, in-Nikaragwa, il-Ħonduras, l-El Salvador, il-Gwatemala, il-Beliż, il-Messiku u Kuba. Permezz tal-programm Dinja Mutur, Missio Malta tkompli twassal għand il-pubbliku Malti il-messaġġ tat-tama, li huwa tant ċentrali għal dak kollu li nwettqu. Hekk il-membri tal-pubbliku jaraw b’għajnejhom il-ġid straordinarju li jagħmlu il-missjunarji tagħna, li jwasslu t-tama għand dawk l-iktar li jeħtieġu,” spjega Robert Farrugia, il-Kap tal-Komunikazzjoni u l-Ġbir ta’ Fondi ta’ Missio Malta.

Stephen Formosa min-naħa tiegħu esprima sodisfazzjon li reġa’ jinsab fuq il-mutur tiegħu, fi triqtu lejn avventura ġdida. “Permezz tal-programm Dinja Mutur ħa nerġgħu nkunu qed inżuru pajsaġġi inkredibbli, nies interessanti, kulturi differenti, filwaqt li nsiru nafu iktar dwar il-ħidma ta’ Missio Malta. Ma għandi l-ebda dubju li l-Amerika t’Isfel ħa tipprovdi xenarju spettakolari li ħa jinżel għasel mat-telespettaturi Maltin u Għawdxin.

Dinja Mutur huwa programm imtella’ minn Missio Malta, u jsegwi l-vjaġġi bil-mutur tal-biker Malti Stephen Formosa. Fl-ewwel edizzjoni huwa saq il-mutur tiegħu fl-Afrika, u fit-tieni żar l-Ażja.

Dinja Mutur jixxandar kull nhat ta’ Ħamis fuq ONE TV fl-10:15pm.

Let your friends know! Share this: