IL-100 JUM DINJI TAL-MISSJONIJIET 2026
“Ħaġa waħda fi Kristu, magħqudin f’missjoni.”
Fil-messaġġ tiegħu għall-Jum Dinji Missjunarju 2026, li jfakkar il-mitt anniversarju tat-twaqqif tiegħu minn Papa Piju XI, Papa Ljun XIV jistedinna nġeddu l-impenn missjunarju tagħna b’ferħ u żelu fl-Ispirtu s-Santu taħt it-tema: “Ħaġa waħda fi Kristu, magħqudin f’missjoni”. Tema li tfakkarna li l-missjoni tal-Knisja tibda mill-għaqda tagħna ma’ Kristu u bejnietna.
1. Ħaġa waħda fi Kristu – Dixxipli missjunarji magħqudin miegħu u ma’ ħutna.
Il-qofol tal-missjoni hija l-għaqda ma’ Kristu. Ġesù talab lill-Missier biex id-dixxipli tiegħu jkunu ħaġa waħda, bħalma Hu u l-Missier huma ħaġa waħda. (Ġw.17:21) Il-Knisja hija msejħa tkun komunità magħquda, rikonċiljata u mibnija fuq il-komunjoni li tnixxi mit-Trinità. Jekk bejnietna hemm firda, kunflitti jew nuqqas ta’ fiduċja ma nistennewx li l-evanġelizzazzjoni tagħna tagħti l-frott. Għalhekk, il-Knisja trid tħares lejn Kristu bħala ċ-ċentru tagħha u ssaħħaħ l-isforzi ekumeniċi u l-ispirtu ta’ fraternità. Aktar ma nkunu magħqudin fih, aktar inkunu kapaċi nwettqu l-missjoni li Hu fdalna.
2. Magħqudin f’missjoni – Sabiex id-dinja temmen fi Kristu l-Mulej
L-għaqda mhix għan fiha nfisha, iżda mezz biex id-dinja temmen fi Kristu. Ix-xhieda ta’ komunità magħquda tagħti saħħa kbira lix-xandir tal-Evanġelju. Kulħadd, skont il-vokazzjoni tiegħu jew tagħha, huwa msejjaħ jieħu sehem fil-missjoni tal-Knisja. L-ispiritwalità ta’ komunjoni tgħinna nagħrfu d-doni differenti bħala għana u mhux bħala firda. L-għaqda ma tfissirx uniformità, iżda armonija bejn kariżmi u kulturi differenti fl-istess fidi. Il-Papa jfakkar ukoll fl-importanza tal-Opri Missjunarji Pontifiċji, li jrawmu l-ispirtu missjunarju u jgħinu lill-komunitajiet madwar id-dinja permezz tat-talb u tal-għajnuna konkreta.
3. Missjoni ta’ mħabba – It-tħabbir, l-għejxien u l-qsim tal-imħabba fidila ta’ Alla.
Il-missjoni hija, fuq kollox, missjoni ta’ mħabba. Il-Bxara t-Tajba hija l-aħbar tal-imħabba fidila ta’ Alla li saret laħam f’Ġesù Kristu. Imqanqlin minn din l-imħabba, l-Appostli u tant missjunarji matul is-sekli taw ħajjithom biex ixandru l-Evanġelju. Il-Papa jesprimi gratitudni lejn il-missjunarji tal-lum, li b’kuraġġ iħallu kollox biex iwasslu lil Kristu f’postijiet diffiċli. Id-dinja għadha teħtieġ dawn ix-xhieda u l-Knisja għandha titlob għal vokazzjonijiet ġodda.
Fl-aħħar, il-Papa jħeġġeġ lil kulħadd biex jieħu sehem fil-missjoni permezz tax-xhieda tal-ħajja, tat-talb u tal-għajnuna materjali, speċjalment fil-Ġurnata Missjunarja. Kull don, anki żgħir, huwa sinjal ta’ komunjoni u mħabba. Il-messaġġ jintemm b’talba biex il-Missier jagħmilna ħaġa waħda fi Kristu, magħqudin fl-imħabba u kuraġġużi fix-xhieda tagħna, bl-interċessjoni ta’ Marija, Reġina tal-Missjonijiet. Jalla lkoll inkunu strumenti ta’ paċi biex id-dinja tagħraf lil Kristu bħala d-dawl li jsalva.
Verżjoni mqassra mis-Sur Mario Sant





