Tarbija tat-twelid bla omm
Naħseb li lkoll taqblu miegħi x’ferħ iġġib tarbija ġdida fil-familja, b’mod speċjali lill-ġenituri tagħha. Iżda kemm kieku nsewdu qalbna jekk dik il-povra tarbija li għadha kemm fetħet għajnejha għall-ewwel darba titlef proprju lil ommha! B’xorti ħażina din hija realtà li jħabbtu wiċċhom magħha pajjiżi tat-Tielet Dinja.
Permezz tad-donazzjoni li qed tagħtu intom il-benefatturi, ftit tas-snin ilu Missio Malta rnexxielu jibni ċ-Ċentru San Luqa, sptar għan-nisa u tfal fl-Uganda. Riċentament saret ukoll estensjoni tas-sala tal-maternità, sala ġdida tat-tfal u nxtrat ambulanza li hija tant meħtieġa sabiex tilħaq lil dawk f’postijiet imbiegħda. Swor Marija Goretti tieħu ħsieb dan l-isptar li fih imorru ħafna nisa jwelldu. Hija tgħid li joffru diversi programmi differenti, fosthom ta’ ‘out-patients’, ‘in-patients’ u tilqim tat-trabi. Tista’ tgħid li l-jum kollu, dan iċ-ċentru jkun ippakkjat b’ommijiet li marru biex iwelled, kif ukoll b’ommijiet li jixtiequ jagħtu t-tilqim lit-trabi tagħhom.
Ftit tal-ġimgħat ilu, omm tilfet ħajjitha waqt li kienet qed twelled lil bintha Evelyn. Kieku kien hemm sala tal-operazzjonijiet, kieku din l-omm żgur li salvat ħajjitha. Din hija l-ħolma ta’ Swor Marija u sħabha, li jkollhom sala tal-operazzjonijiet biex jekk jinqala’ xi ħaġa, pereżempju għandhom bżonn jagħmlu ċesarja, ikunu ppreparati biex ħafna ommijiet u t-trabi tagħhom jiġu salvati.
Missio Malta qed ikompli jappoġġja s-saħħa tan-nisa u tat-tfal li jiffrekwentaw iċ-Ċentru San Luqa, ħalli missjunarji bħal Swor Marija jilħqu u jagħtu l-ħajja fl-Uganda u madwar id-dinja kollha. Mingħajr l-appoġġ tagħna lkoll xejn minn dan ma jista’ jkun possibbli.
Għalhekk, Missio Malta wiegħed lis-sorijiet li se jagħmel ħiltu kollha sabiex isib sponsers Maltin u Għawdxin li lesti jgħinu lit-tfal ikollhom opportunità li jitgħallmu. B’€0.41 kuljum, jew €150 fis-sena, ikollok biżżejjed flus sabiex għal sena tisponsorja tifel jew tifla li m’għandhomx flus biex imorru l-iskola. Din l-inizjattiva jista’ jipparteċipa fiha kulħadd, sew persuni individwali kif ukoll gruppi, bħal pereżempju kollegi tax-xogħol. Ftit taż-żmien wara li ssir l-isponsorizzazzjoni, jintbagħat ritratt u d-dettalji ta’ tifla jew tifel li se tkun qed tiġi megħjuna, filwaqt li darbtejn fis-sena, għal għaxar snin, jibqgħu jintbagħtu ritratt riċenti tat-tifel jew tifla, ittra u/jew tpinġija mit-tfal stess u r-riżultat tal-assessjar tas-suġġetti li jitgħallmu l-iskola.
