MISSIO FL-AZZJONI – FILIPPINI 2023
Dun Victor Agius
Mill-ewwel sal-ħmistax ta’ Frar, jiena flimkien ma’ ħdax oħra morna nagħmlu esperjenza missjunarja fil-Filippini. Bħal oħrajn li bħalna marru u ġew lura mibdulin għax raw il-faqar u tant tbatijiet fost in-nies li żaru, aħna wkoll rajna dan u ħassejna qalbna tingħafas u staqsejna: “Għaliex tant tbatija? X’nistgħu nagħmlu biex ngħinu lil dawn in-nies ikollhom ħajja aħjar bħal tagħna?” Meta konna hemm ma domniex wisq biex irrealizzajna li, filwaqt li f’diversi affarijiet aħna wisq aħjar minnhom, però f’ħafna affarijiet oħra huma ħafna aħjar minna. Dan kien is-sabieħ ta’ din l-esperjenza fejn tgħallimna ħafna minn dawn in-nies.
Il-Filippini huwa nazzjon indipendenti magħmul minn madwar 7,200 gżira b’popolazzjoni ta’ madwar 110 miljun ruħ. Aħna żorna komunitajiet fil-belt kapitali ta’ Manila li ġeografikament hija d-doppju ta’ Malta, b’popolazzjoni ta’ ’l fuq minn 11-il miljun ruħ. Żorna wkoll Tagaytay, belt li tinsab 50 kilometru fil-Lbiċ ta’ Manila, u morna fi gżira mill-isbaħ jisimha Mindoro, fejn żorna diversi gruppi ta’ komunitajiet li huma mit-tribujiet tal-Mangyans. Qgħadna attenti ħafna li mmorru niltaqgħu ma’ dawn in-nies b’attitudni ta’ rispett kbir. Fl-aħħar mill-aħħar konna aħna li qed nidħlu f’darhom u huma laqgħuna b’korteżija u b’imħabba tant kbira. Spjegawlna tajjeb ħafna, b’Ingliż tajjeb u impekkabbli, ix-xogħol li qed jagħmlu fost dawk li huma fil-bżonn. Rajna wkoll kemm dawn il-proġetti li qed jagħmlu, huma tajba, l-aktar meta skoprejna li dawk stess li qed jispjegawlna kienu tfal li ġew iffurmati f’dan l-istess programm.
Waqt żjara ġo skola tas-Sorijiet Benedittini ġejna milqgħuha tant tajjeb minn tfajla li kantatilna biċċa minn opra klassika Filippina, soprana mill-aqwa akkumpanjatha minn orkestra ta’ madwar għoxrin ruħ daqstant professjonali u ta’ livel tassew għoli. Sirna nafu li dawn iż-żgħażagħ fil-maġġoranza tagħhom kienu kollha studenti ġejjin minn familji fqar ħafna. Ħaġa simili rajniha fil-ħanut tal-mastrudaxxi tal-Moviment tal-Fokolari f’Cainta, Rizal. Għamara mill-aqwa fuq stil modern u klassiku, magħmula mill-ħaddiema żgħażagħ li tgħallmu f’dan il-ħanut stess, li issa spiċċaw u għandhom xogħol tajjeb ħafna u stabbli, fejn saħansitra wħud minnhom fetħu għal rashom in-negozju tagħhom. Rajna l-programmi ta’ sponsorizzazzjoni tat-tfal ta’ Pag-Asa u ta’ Bukas Palad, f’Tagaytay. Dawn it-tfal jibqgħu joqogħdu mal-familji tagħhom u l-edukazzjoni tagħhom ma tikkonsistix biss fl-iskola, imma dawn jiġu akkumpanjati b’attivitajiet barra mill-iskola wkoll. Hemm interess kbir fil-familji tagħhom biex dawn l-istudenti kemm jista’ jkun ma jsibux tfixkil fil-formazzjoni tagħhom. Dan il-proġett issa ilu sejjer kważi 40 sena u ħafna minn dawk li għaddew minnu, illum huma professjonisti u ffurmaw il-familji tagħhom, u baqgħu fejn jistgħu jkomplu jgħinu li dawk li huma fil-programm.
Esperjenza oħra sabiħa kienet mal-Mangyans f’Mindoro. Dawn huma nies li jissejħu primittivi minn dawk li jgħixu fl-ibliet, imma aħna rajna fihom nies li għandhom qalb kbira b’sens ta’ responsabilità lejn xulxin tant qawwi li l-anqas biss jafu x’inhu serq. Kemm impressjonawna t-tfal meta tajnihom l-ikel jew il-ħelu! Minflok qabdu jieklu, l-ewwel ħasbu fil-familja tagħhom u ħadu l-ikel id-dar biex jinqasam ma’ kulħadd. Inkella jiġu jistaqsuk għall-ħelu għax hemm tifel li kien għadu ma ħax. Jgħixu f’natura mill-isbaħ u f’serenità li lina impressjonatna ħafna. Dawn in-nies għandhom sensibilità kbira u fehmu li aħna konna hemm għax rajna t-tajjeb tagħhom u magħhom xtaqna naraw jekk nistgħux ngħinuhom. Kemm kien sabiħ il-mumenti ta’ djalogu li kellna mal-mexxejja tagħhom! Skantajna kemm din l-għaqda flimkien fetħitilna moħħna u qalbna, biex insibu modi kif ngħinu u nkomplu nkabbru l-ħbieberija tagħna magħhom.
F’ambjenti bħal dawn ma tistax ma toħlomx b’dinja aħjar. Kemm aħna u kemm huma ninsabu mtaqqlin mill-ambjenti li ngħixu fihom. Kemm-il darba naqtgħu qalbna u ma nibqgħux nemmnu li t-tajjeb jista’ jirbaħ fuq il-ħażen. Huwa dan li jtaqqalna, jgħajjina u jdejjaqna. Imma meta tpoġġi nies ta’ rieda tajba flimkien, anki jekk forsi mhumiex perfetti, imma għandhom it-tajjeb f’qalbhom u ma jibżgħux jaqsmuh mal-oħrajn, allura huwa sabiħ li toħlom flimkien u tagħmel ħbieb ġodda li jġibu bidla f’ħajtek. Ġejna lura fiżikament għajjenin ħafna, imma l-mistrieħ sibnieh tassew. Nirringrazzjaw lil Missio li tagħna din il-possibilità li ppreparatna biex niftħu l-orizzonti ta’ moħħna u ta’ qalbna għall-popli differenti minna fejn fi żmien hekk qasir sirna aħwa vera għal xulxin.
Mabuhay Malta – Merħba Filippini.