PROĠETTI MWETTQA
Swor Marija Goretti li tmexxi ċ-Ċentru tas-Saħħa San Luqa f’Busuni l-Uganda, talbet l-għajnuna immedjata sabiex jiġu salvagwardjati nisa tqal u t-trabi tagħhom billi titwaqqaf u titgħammar sala tal-operazzjonijiet. Dan il-proġett kien kofinanzjat b’50% minn sptar lokali li jixtieq jibqa’ anonimu.
Fil-passat kienet inbniet sala tal-operazzjonijiet, iżda ma kellhiex it-tagħmir meħtieġ biex tkun għal kollox funzjonabbli. F’każ ta’ emerġenza, l-ommijiet riedu jiġu trasferiti lejn l-eqreb sptar, li jista’ jieħu sa sagħtejn ivvjaġġar. Traġikament, xi ommijiet u trabi ma jgħixux il-vjaġġ. It-tagħmir sħiħ tas-sala jsalva għadd kbir ta’ ħajjiet billi jippermetti li l-proċeduri ta’ emerġenza jitwettqu immedjatament fuq il-post.
Dan l-isptar żgħir iservi popolazzjoni ta’ 15,000 ruħ, li minnhom 728 huma tfal u 3,450 huma nisa li waslu biex iwelldu. Hemm numru mdaqqas ta’ nisa li joħorġu tqal u li jeħtieġu appoġġ, peress li ħafna drabi jiġu injorati mill-ġenituri u/ jew l-irġiel tagħhom. Fl-aħħar mill-aħħar, it-tfal ibatu l-konsegwenzi. L-enfasi primarja tal-isptar hija fuq il-kura tal-maternità. Minbarra s-sala tal-maternità u l-klinika, l-isptar investa fi programmi ta’ sensibilizzazzjoni li jwasslu servizzi essenzjali ta’ saħħa materna fi rħula remoti. Is-sena l-oħra, delegazzjoni żgħira minn Missio Malta żaret l-isptar biex tara b’għajnejha stess il-progress u x-xogħol notevoli li qed isir.
Bid-dedikazzjoni ta’ Swor Marija Goretti, li tissorvelja l-isptar, u l-ġenerożità ta’ Missio Awstralja u l-benefatturi tagħha li ħadu ħsieb il-bini, l-isptar beda vjaġġ ta’ trasformazzjoni. Mibni fuq art li hija proprjetà tad-djoċesi lokali, San Luqa issa huwa raġġ ta’ tama għall-komunità tal-madwar. Missio Malta kkontribwixxa wkoll billi ffinanzja ambulanza, li llum tipprovdi linja ta’ salvataġġ vitali għall-pazjenti li jeħtieġu kura ta’ emerġenza.


” Tislijiet għeżież ħbieb ta’ Missio. Nispera li tinsabu tajjeb.
Qed nikteb biex nesprimi l-gratitudni sinċiera tagħna għat-tagħmir u l-għodda li ngħatajna. Dak li rċevejna kien pass kbir ‘il quddiem fis-sala tal-operazzjonijiet tagħna. Issa żguri li l-pazjenti tagħna se jiġu ttrattati bl-użu tal-aqwa tagħmir u għodda. Il-magna universali anestetika kienet pjuttost għalja, iżda kienet tiswa minħabba l-iskop tagħha. L-inkubatur huwa tabilħaqq barka li jkollok peress li se jżomm lit-trabi tat-twelid sħan u komdi speċjalment matul l-istaġun tax-xita meta l-kesħa tkun wisq, kif ukoll għat-trabi li jeħtieġu attenzjoni speċjali. Irċevejna wkoll xi fradal li huma importanti ħafna fl-amministrazzjonji tas-sala. Il-karrijiet b’żewġ xkafef huma tant utli u jagħmlu l-għodda aktar faċli biex tinġarr u tintuża. Iż-żewġ siġġijiet tar-roti u l-istreċer tal-pazjenti huma vitali sabiex inkunu nistgħu nittrasportaw lill-pazjenti tagħna faċilment. Issa għandna wkoll l-għodda meħtieġa għall-operazzjonijiet tal-ftuq u l-appendiċite. Barra minn hekk, irċevejna wkoll 4 settijiet ta’ strumenti għaċ-ċesarji.
Nitolbu għall-pazjenti tagħna biex jiġu kkurati u jfiequ. Aħna grati ħafna għall-appoġġ kontinwu tagħkom. Nitolbu li Alla jippremjakom b’mod abbundanti.
Swor Marija Goretti Nakajubi “



Jekk tixtieq tgħin fi proġetti simili għal t’hawn fuq, tista’ tagħti donazzjoni billi tikkuntattja lil Missio Malta jew iżżur il-website: https://missio.org.mt/donate. Grazzi mill-qalb.




