Post Sagru f’nofs Scrap Yard
Mhux l-ewwel darba li morna l-Albanija fuq missjoni, imma din id-darba kienet differenti għax magħna kellna grupp żgħażagħ mill-Parroċċa San Ġużepp Ħaddiem. Konna ħdax b’kollox. Ghalija esperjenza missjunarja għalkemm ma tkunx l-ewwel darba f’dak il-post xorta waħda tkun esperjenza unika kull darba. Għamilna dan il-vjaġġ flimkien mal-Missjunarji tal-Karità u ma’ Patri Bernard; wiċċu, li kien familjari għal ħafna, kien sar preżenza ta’ fiduċja għal ħafna familji grazzi għaż-żjarat u l-għajnuna regolari tiegħu u tas-sorijiet li dawn ilkoll jagħmlu xogħol straordinarju ma dawn in-nies.
Wieħed mill-postijiet li żorna kien komunità fqira li tinsab f’nofs sit fejn jinġabar l-iskrapp. Ix-xena kienet diffiċli biex tiddiġerixxiha. Kien hemm għerejjex żgħar mibnija minn briks, fdalijiet tal-ġebel u folji taż-żingu. Barra l-bibien kien hemm fridges qodma, karozzi abbandunati u munzelli ta’ skrapp. In-nisa kienu qed ineħħu l-qoxra tal-aluminju mil-fridges bil-crowbar, filwaqt li xi uħud mil-irġiel kienu qed jaħdmu fuq il-karozzi l-qodma u oħrajn bilqegħeda jpejjpu. Il-familji kienu qed jgħixu u jrabbu lil uliedhom f’ambjent imdawwar biż-żibel, makkinarju miksur u metall skrappjat.
Kienet xena xokkanti.
Ftit ’il bogħod fuq ix-xellug kien hemm “dar” żgħira oħra. Dak li ġibed l-attenzjoni tiegħi kien li din kienet l-unika waħda b’dawl mixgħul fuq il-bieb. Ommha ħarġet barra, liebsa sew, u ġabet liċ-ċkejkna tagħha biex tiltaqa’ magħna. It-tifla kienet liebsa libsa roża sabiħa u nadifa, u wiċċha kien nadif. Hija ħarġet biex tingħaqad mat-tfal l-oħra li kienu nġabru biex isellmulna.
Is-sorijiet mill-ewwel bdew jieħdu ħsieb it-tfal. Naddfulhom idejhom li kienu maħmuġin ħafna u bdew iħejjuhom għall-attivitajiet li konna ġibna magħna. Fil-vann konna ġibna paġni u kuluri tax-xemgħa biex it-tfal ikunu jistgħu jpinġu. Huma poġġew bilqiegħda fuq kaxxi tal-kartun maqlubin ta’ taħt fuq li konna ġibna magħna fil-vann, biex iservu ta’ mwejjed.
It-tifla ż-żgħira bl-ilbies roża resqet lejja u ħaditli idi. Ma riditx tħallini mmur.
Poġġejt bilqiegħda mat-tfal u rajt kif kienu qed ipinġu. Ħarist lejn iż-żgħażagħ li kienu ġew miegħi. Stajt nara x-xokk fuq wiċċhom hekk kif saru konxji tal-faqar li konna mdawwrin bih. Madankollu, dak ix-xokk bil-mod il-mod beda jinbidel f’xi ħaġa oħra. Xi wħud minnhom bdew jgħallmu n-numri lit-tfal. Oħrajn ħeġġuhom biex ipinġu u faħħru t-tpinġijiet tagħhom.



Kont qed nipprova naddaf idejn it-tfal u li nipprova nneħħi l-ħmieġ iebes li kien akkumula fuq il-ġilda tagħhom. Peress li ma kinux jitkellmu bl-Ingliż, tkellimt magħhom bil-mod bil-Malti. B’xi mod, il-lingwa ma dehritx li kienet importanti. Mill-ewwel ħassejt rabta speċjali magħhom. Xi wħud mit-tfal il-kbar, li kienu tajbin ħafna fit-tpinġija, resqu lejja biex juruni x-xogħol tagħhom. Kienu tant kburin b’dak li għamlu. F’dak il-mument, indunajt li kienet qed tiġri xi ħaġa sabiħa. Għal ftit ħin, il-post fejn kien hemm il-fdalijiet tal-metall u l-iskart kien bħal sparixxa f’għajnejna. Issa kien imbidel f’post mimli ferħ fejn kulħadd kien l-istess. Konna sempliċiment bilqiegħda flimkien, npinġu, nidħku u nitkellmu mat-tfal.
Imbagħad ġbarna lil kulħadd f’ċirku. Waħda miż-żgħażagħ bdiet tkanta l-kanzunetta famuża “Birdy Song”, u kważi mill-ewwel it-tfal bdew jimitawha, ikantaw u jiżfnu. It-tifla ż-żgħira bl-ilbies roża semgħet il-kanzunetta b’attenzjoni u mbagħad bdiet tkanta miegħi. Bqajt mistagħġba b’kemm tgħallmitha malajr. Kienet għadha verament żgħira, iżda stajt nara mill-ewwel kemm kienet intelliġenti u kemm kienet kapaċi tassorbi l-affarijiet u kemm kellha ħeġġa biex titgħallem. Ħassra li ma kienetx tmur skola. Imbagħad wieħed miż-żgħażagħ talabni biex nagħmlu xi ħaġa għalihom u ma jistax ikun ma nagħtuhom xejn. Talabni biex immur miegħu ħalli naraw x’nistgħu nixtrulhom. Jien mort miegħu f’ħanut żgħir mhux il-bogħod u xtrajna xorb u ħelu għat-tfal.

Ħarist lejn dawn iż-żgħażagħ Maltin, u tbissimt f’qalbi. Stajt nara x’qed jiġri fihom kollha. Huma raw il-faqar b’għajnejhom u ma setgħux jibqgħu sempliċiment josservaw. Stajt nara kif l-Ispirtu t’Alla kien qed iħeġġiġhom. Riedu jgħinu, riedu jagħmlu xi ħaġa. Alla ma jħalliniex inattivi. Xi ħaġa ċċaqlaqna. Kull nisrani huwa persuna li timxi u taġixxi. Ħarist lejn John, ir-raġel tiegħi, lejn is-sorijiet u lejn is-saċerdoti u lejna lkoll, kulħadd kellu din il-ħeġġa u kulħadd kien qed iwieġeb.
Dan kien qed iseħħ quddiem għajnejja stess. Iżda mbagħad ġrat xi ħaġa oħra li messitli qalbi ħafna.
Wieħed miż-żgħażagħ ġie ħdejja u qalli li tifel żgħir kien weġġa’ subgħajh. Ftakart li kelli kaxxa tal-ewwel għajnuna fil-basket tiegħi li kien tahieli Fr Charlon, u għalhekk fittixna fiha sakemm sibna stikk żgħira. Ħadt l-istikk u ġrejt lejn it-tifel nitbissem, waqt li kont qed nagħmel il-ħoss ta’ ambulanza: “Nii… nuu! Nii… nuu!”
It-tifel mill-ewwel ġera lejja, u għolla subgħajh b’qatgħa żgħira bilkemm tidher, biex inkun nista’ ndewwihielu bl-istikk. Imbagħad, f’daqqa waħda, it-tfal l-oħra kollha ġrew lejja wkoll; kull wieħed minnhom subgħajh mgħolli, jistennew l-istikk huma wkoll.
Din kient xena komika li ġiegħelitni nirrifletti ħafna fuqha. Għedt bejni u bejn ruħi: Dan mhux eżattament dak li nagħmlu aħna quddiem Alla?
Niġru lejh bil-feriti u l-wegħġat li jidhru tagħna. Xi drabi mmorru għandu bil-feriti minn ġewwa, dawk fil-profond ta’ qalbna, li ma jidhrux u li ħadd ma jkun jaf bihom. Kollha kemm aħna għandna minnhom. Nistgħu nidhru differenti minn barra, nistgħu niġu minn postijiet u ċirkostanzi differenti, iżda fil-fond ta’ qalbna, kull wieħed minna għandu bżonn il-fejqan. Kull wieħed minna għandu bżonn lil Alla.
U forsi din hija waħda mill-affarijiet li bdejt nifhem fl-Albanija: il-foqra mhumiex sempliċiment nies li għandhom bżonn xi ħaġa minn għandna imma huwa huma li għandhom xi ħaġa x’jgħallmuna. Id-dinjità, il-ftuħ, il-ferħ u s-sempliċità tagħhom jistgħu juruna lil Alla b’modi li forsi ma nistennewx. Għalija, in-nies foqra huma nies kbar. U l-art li jgħixu fiha hija art qaddisa u post sagru għax turina xi ftit min hu Alla. Nirringrazzja lil Fr Charlon u lil-dawn iż-żgħażagħ ta’ l-opportunita’ li nkunu magħhom.
Kitba ta’ Nancy Camilleri









