Id‑Domma tal‑Assunzjoni ta’ Marija

F’nofs il‑qilla tas‑sajf, il‑Knisja tiċċelebra waħda mill‑festi solenni ta’ Marija: l‑Assunta jew kif inhi iżjed magħrufa, Santa Marija. Din il‑festa hija popolari ħafna magħna hekk li diversi parroċċi f’Malta u Għawdex għażlu l‑Assunta biex tkun il‑patruna tar‑raħal jew tal‑belt tagħhom. Barra dan, ma’ din il‑festa hemm marbuta l‑ġrajja tas‑salvazzjoni ta’ dawn il‑gżejjer fl‑eqqel tat‑Tieni Gwerra Dinjija. Il‑popolazzjoni ta’ dawn il‑gżejjer kienet ilha tbati l‑ġuħ u l‑proviżjoni tal‑ikel kienet dejjem tonqos. Ikel kien fadal biss għal ftit jiem.

Il‑Gvernatur, Lord Gort, kien qiegħed jibża’ li l‑flotta Taljana tinvadi lil Malta. Mons. Mikiel Gonzi, li f’dak iż‑żmien kien isqof t’Għawdex, kien providenzjali għaliex ipperswada lill‑bdiewa Għawdxin biex jagħtu l‑qamħ li kienu għadhom kemm ħasdu lil Malta.

Dan il‑fatt għen biex Malta setgħet tirreżisti ftit ġimgħat oħra.Imma Marija semgħet it‑talb tal‑poplu li kien jitlobha bil‑ħerqa bit‑talba tar‑Rużarju. Ftit wara, daħlu fil‑Port il‑Kbir tliet bastimenti nofshom imkissra: Port Chalmers, Rochester Castle u Melbourne Star, mgħobbija bl‑ikel meħtieġ fost il‑ferħ tal‑poplu Malti. Iżda ftit kienu jafu li Malta kienet teħtieġ iż‑żejt biex tkompli tirreżisti l‑ħruxija tal‑gwerra. Kien nhar Santa Marija, li l‑vapur Ohio, nofsu imniżżel u sostnut minn kull naħa tiegħu mill‑bastimenti HMS Penn u HMS Bramham, daħal fil‑port biż‑żejt meħtieġ. Bir‑raġun kollu, dan il‑konvoj li salva lil Malta baqa’ magħruf bħala l‑konvoj ta’ Santa Marija.

Imma fiex tikkonsisti din il‑festa hekk għażiża? Fil‑qosor din il‑festa solenni turina li l‑Immakulata dejjem Verġni Marija, Omm Alla, wara li temmet il‑kors ta’ ħajjitha fuq din l‑art, kienet meħuda bil‑ġisem u r‑ruħ fil‑glorja tal‑ġenna. Il‑Knisja mhux dejjem għarfet u stqarret din il‑verità tal‑fidi bl‑istess mod ċar u definittiv li bih tagħrafha u tistqarrha llum. Matul il‑medda tas‑snin, il‑Knisja, taħt il‑ħarsien tal‑Ispirtu s‑Santu, għamlet progress fl‑għarfien u fl‑istqarrija tagħha. Fil‑bidu nett tal‑istorja tagħha, il‑Knisja ma jidhirx li kellha informazzjoni storika dwar it‑tmiem tal‑ħajja ta’ Marija. Infatti, l‑Evanġelji jkellmuna b’enfasi fuq

il‑mewt u l‑qawmien ta’ Ġesù u fuq diversi dehriet tiegħu lill‑appostli, imma ma jgħidulna xejn dwar it‑tmiem ta’ Marija fuq din l‑art. Il‑fidi tal‑Knisja fl‑Assunta bħala verità rivelata minn Alla, tiddependi mhux fuq informazzjoni storika li xi ħadd ra lil Marija tqum mill‑mewt, iżda mill‑iżvilupp ta’ veritajiet oħra rivelati, bħall‑inkarnazzjoni tal‑Verb t’Alla, il‑wegħda tal‑qawmien mill‑mewt ta’ dawk kollha li emmnu fi Kristu u l‑istess qawmien ta’ Ġesù. Ma’ dawn, wieħed irid iżid il‑qdusija ta’ Marija li sa mill‑ewwel mument tat‑tnissil tagħha kienet mimlija bil‑grazzja; ir‑rabta singulari tagħha ma’ binha Ġesù fit‑twettiq tal‑pjan tas‑salvazzjoni.

Papa Piju XII, wara li sema’ l‑poplu kollu t’Alla u ra li kien favorevoli li jiddikjara l‑Assunta bħala domma tal‑fidi tagħna, nhar l‑1 ta’ Novembru 1950, bl‑awtorità appostolika tiegħu, iddikjara bħala verità tal‑fidi tagħna l‑Assunzjoni ta’ Marija bir‑ruħ u l‑ġisem fil‑glorja tal‑ġenna. Dan ifisser li f’Marija ġa seħħ għal kollox il‑misteru tal‑Għid ta’ binha Ġesù. Il‑glorja ta’ Marija fil‑ġenna hija sħiħa, bħalma hija l‑glorja ta’ Kristu Rxoxt u bħalma għad tkun tagħna fit‑tmiem il‑glorja tal‑ġusti mad‑dehra ta’ Kristu. Id‑domma tal‑Assunzjoni ta’ Marija titkellem mhux biss dwar Marija fil‑glorja, iżda fl‑istess waqt ixxandar ukoll veritajiet dwar il‑bniedem, is‑salvazzjoni finali u l‑Knisja. Din id‑domma tiġbor b’mod konkret dak kollu li aħna, bħala Nsara, nemmnu fih.

Messagg mid-direttur Mons. Valent Borg

Malta Missjunarja – Awwissu

Missio Director Dun Valentino Borg

L-Assunzjoni ta’ Marija tal-artist rinaxximentali Taljan Titian.
Let your friends know! Share this: