Missio Christmas Message

From Missio Director Mons. Valentino Borg

“Glorja ’l Alla fl‐ogħla tas‐smewwiet u sliem fl‐art lill‐bnedmin li jogħġbu lilu.” (Lq. 2:14)

Hekk normalment tibda l‐prietka tradizzjonali tat‐tifel waqt il‐quddiesa ta’ nofsillejl. Matul din il‐quddiesa aħna mistiedna li nitfgħu l‐ħarsa tagħna fuq il‐fatt storiku ta’ din il‐ġrajja hekk kbira u qaddisa fl‐istess waqt. Alla ried li jsir bniedem bħalna mhux għaliex kien jistħoqqilna jew għax aħna qaddisin, imma għaliex Hu ħabbna. San Ġwann ifisser dan b’mod mill‐iżjed ċar, meta jgħidilna: “Hawn qiegħda l‐imħabba; mhux għax aħna ħabbejna lil Alla, imma għax ħabbna Hu u bagħat lil Ibnu biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna.” (1Ġw. 4:10) 

Alla, fil‐ħniena u fit‐tjieba infinita tiegħu, joffri l‐imħabba tiegħu lil kulħadd, indipendentement mir‐razza, kultura, kulur jew reliġjon. Din l‐imħabba t’Alla stajna narawha u nmissuha b’idejna f ’din it‐tarbija li twieldet f ’Betlem, imneżżgħa minn kull glorja; milqugħa minn ftit rgħajja li kienu fil‐qrib. L‐anġlu qalilhom: “Illum fil‐belt ta’ David, tweldilkom Salvatur, li hu l‐Messija, il‐Mulej.” (Lq. 2:11) Hekk Alla mhux biss qalilna li jħobbna, iżda wriena tassew li jħobbna għaliex “il‐Verb Tiegħu sar bniedem u għammar fostna.” (Ġw. 1:14) B’dan il‐mod, Alla xejjen għal kollox l‐abbiss li kien hemm bejna u bejnu, liema abbiss l‐ebda bniedem qatt ma seta’ jxejjen. Issa Alla għamilha possibbli għalina li nistgħu narawh u nkellmuh, bla biża’ li mmutu.(Mħ. 13:22) Ġesù nnifsu stqarr mad‐dixxipli li “min ra lili ra lill‐Missier.” (Ġw. 14:9) Alla, bit‐twelid ta’ Ġesù Bambin, tant sar wieħed minna li bħalna għeja (Ġw. 4:6), beka (Ġw. 11:35) u bata (Lq. 22:43). Għalhekk, Alla jista’ jifhimna għaliex dak kollu li ngħaddu minnu aħna, Alla ġarrbu f ’Ibnu Ġesù. Alla, bit‐twelid ta’ Ġesù Bambin sar tassew ‘Immanuel’, Alla magħna. (Mt. 1:23) 

Kif għandna nġibu rwieħna quddiem il‐kobor ta’ dan il‐misteru? Kif nistgħu niċċelebraw il‐Milied? Alla jrid li dak kollu li għamel magħna, aħna nagħmluh ma’ xulxin. Lil Alla nistgħu tassew inħobbuh daqskemm aħna lesti li nħobbu lil xulxin, għaliex dak kollu li nagħmlu lil xulxin inkunu qegħdin nagħmluh miegħu. (Mt. 25) Din hija l‐mistoqsija li kull wieħed u waħda minna jrid iwieġeb quddiem Alla. “Kemm ħabbejtni fil‐proxxmu tiegħek? Kont bil‐ġuħ u tmajtuni, kont bil‐għatx u sqejtuni… Tassew ngħidilkom, kulma għamiltu ma’ wieħed mill‐iżghar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.” (Mt. 25 31‐46) 

San Ġwann, fl‐ewwel ittra tiegħu jfisser dan b’mod mill‐iżjed ċar, hekk li jgħidilna: “Jekk xi ħadd jgħid: Jiena nħobb lil Alla, u jobgħod lil ħuh, dan ikun giddieb. Għax min ma jħobbx lil ħuh li jara, kif jista’ jħobb lil Alla li hu qatt ma rah?” (4:20)

Nawgura lil kull wieħed u waħda minnkom Milied hieni u qaddis billi niftħu qalbna mhux biss lil Alla, imma wkoll lil xulxin. Hekk intemmu s‐sena tajjeb u nħejju biex nagħtu bidu għas‐sena l‐ġdida fis‐sliem m’Alla u bejnietna. Il‐Mulej ibierek lilkom ilkoll u ’l‐familji kollha tagħkom b’kull grazzja mis‐sema.

Mons. Valentino Borg

Missio Malta Director

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *