Waħda sinjura daret lejn Madre Tereża u qaltilha: “Madre, dan ix‐xogħol kollu li qiegħda tagħmel mhux kollu għalxejn, għaliex qatt mhu ser jirnexxilek issolvi t‐tbatija tal‐mard, tal‐ġuħ u tant tbatija oħra li hawn fid‐dinja?” Madre Tereża weġbitha: “Sinjura, int tħarisx lejn dak li ma tistax tagħmel, imma ħares lejn il‐ftit li tista’ tagħmel u agħmlu b’imħabba kbira.”
Kemm hija faċli li nirraġunaw bħal din is‐sinjura u biex nsaħħu l‐kuxjenza tagħna, ngħid li waħdi ma nista’ nagħmel xejn u nieqaf hemm. Huwa fatt li ħadd ma jista’ jiċħdu, li ħadd minna m’għandu l‐kapaċità li jsolvi darba għal dejjem il‐problemi ta’ tant tbatija li hawn fid‐dinja. Lanqas Sidna Ġesù Kristu ma rnexxielu jagħmel dan. Infatti, tbatija qabel il‐miġja ta’ Ġesù kien hawn (ara l‐ktieb ta’ Ġob) u sal‐ġurnata tal‐lum hawn miljuni kbar ta’ nies ibatu ta’ kuljum. Imma Ġesù ħa fuqu l‐mard u t‐tbatijiet kollha tagħna, u wriena kif għandna nġibu rwieħna f ’sitwazzjonijiet fejn niġu wiċċ imb wiċċ ma’ nies li qegħdin ibatu taħt forma jew oħra. Hekk li Ġesù qalilna li: “Kulma tagħmlu mal‐iżgħar fost ħutkom, tkunu qegħdin tagħmluh miegħi.” (Mt. 25) Fil‐parabbola magħrufa tas‐Samaritan it‐Tajjeb, il‐qassis u l‐levita (qaddej tat‐tempju) sabu skuża biex jibqgħu għaddejjin bla ma taw ftit għajnuna lil dak li kien mixħut għal mejjet mal‐art. Iżda raġel Samaritan, minkejja li s‐Samaritani u l‐Lhud kienu bħall‐klieb u l‐qtates ma’ xulxin, niżel minn fuq il‐bhima u tal‐għajnuna li seta’ lil dan l‐imsejken raġel.
Dan żgur li ma solviex il‐problema ta’ tant nies li huma vittmi ta’ inġustizzji, vjolenza, serq u sfruttament, imma żgur li għamel differenza fil‐ħajja ta’ dan ir‐raġel. Hekk li kien bis‐saħħa ta’ dan is‐Samaritan li dan l‐imsejken baqa’ ħaj. Tisma’, taqra u tara filmati ta’ tant nies li huma nieqsa minn ilma nadif, bla saqaf fuq rashom, bla mediċini, bla edukazzjoni, bla servizz tas‐saħħa u tant tbatijiet oħra, u tista’ taqta’ qalbek għax tgħid ma tafx lil min ser taqbad tgħin. Imma flok tinfixel u titħawwad, staqsi lilek innifsek: “Jien fiċ‐ċirkostanzi li ninsab fihom, x’nista’ nagħmel biex intaffi ftit mit‐tbatija ta’ dawn in‐nies?” Jekk ma tistax tmur tgħinhom personalment, tista’ taqsam ftit mill‐ġid li għandek. Tista’ titlob għalihom u toffri ftit mit‐tbatija tiegħek għall‐bżonnijiet tagħhom. Tista’ tħajjar xi żgħażagħ biex joffru ftit mill‐enerġija tagħhom u jwettqu għalihom xi proġett bżonnjuż. L‐imħabba vera lejn dawn ħutna ġġiegħlek tagħmel ħwejjeġ kbar li forsi qatt ma ħlomt li tasal biex tagħmilhom.
Int x’tista’ tagħmel biex tagħmel ftit differenza fil‐ħajja ta’ tant li għandhom id‐dritt li jgħixu ħajjithom b’dinjità?
Miktuba minn Mons Valentino Borg
Artiklu meħud minn Malta Missjunarja Settembru