Ejjew nieqfu ftit u naraw kif il‐ħin itir! Ejjew nisfurzaw rwieħna li nagħmlu r‐rieda t’Alla f ’dan il‐mument u nkunu konxji li qed ninsew lilna nfusna, nissagrifikaw dak kollu li hemm f ’qalbna u f ’moħħna li m’għandux x’jaqsam mal‐preżent. Jista’ jkun li rridu npoġġu fil‐ġenb xi memorja li għadha wisq friska f ’rasna, idea, xewqa jew anki xi emozzjoni profonda, oġġett jew persuna. Niftħu qalbna u moħħna, u bil‐qawwa kollha nagħmlu r‐rieda t’Alla. Hekk inkunu verament inħobbu lil Alla b’qalbna kollha, b’moħħna kollu u bis‐saħħa kollha tagħna: Alla l‐uniku ideal ta’ ħajjitna. Ta’ min jagħmlu dan l‐eżerċizzju: kull darba li nagħmluh ikollna mmutu xi ftit biex nerġgħu lura għall‐ħajja.
Ittra minn komunità fil‐Libanu.
Ilkoll nafu li sal‐lum il‐ġurnata, il‐Libanu għadu taħt xokk kbir għal dak li ġara. Bejrut saret belt li ma tarafhiex b’xenarji apokaliptiċi; distruzzjonijiet kullimkien, tensjonijiet għoljin, swied il‐qalb, rabja kif ukoll episodji ta’ vjolenza. Ftit ġranet wara li dan il‐pajjiż intlaqat minn splużjoni tremenda li qatlet ħafna nies u ġabet diżastru enormi, komunità minn hemm bagħtet ittra. Huma kitbu hekk:
“B’dan il‐ftit kliem kull wieħed u waħda minna nixtiequ nirringrazzjaw lilkom ilkoll. Inħossuna kommossi li tant minnkom mid‐dinja kollha, kbar u żgħar, permezz ta’ telefonati u messaġġi, kontu tant qrib tagħna f ’dan il‐mument. Hekk kif inqumu kull filgħodu u naraw il‐kobor ta’ din il‐katastrofi, il‐ħsara materjali, in‐numru kbir ta’ sptarijiet li ġew meqruda jew milquta serjament u l‐arja mniġġsa li nieħdu n‐nifs minnha, aħna nħossuna bħala ‘dawk salvati’. Kull wieħed minna seta’ kien hemm f ’dik id‐drama. U forsi xi wħud minna, b’id providenzjali kellhom fl‐aħħar mument imorru f ’post ieħor u hekk salvaw. Għalhekk, inħossu li ġejna mogħtija t‐tieni ħajja biex ngħixu, kif qalet waħda mara żagħżugħa li kienet għadha kif ħarġet minn ġo lift li ftit wara sparixxa bl‐isplużjoni.”
Dun Victor Agius