MALTA MISSJUNARJA – 90 SENA TA’ STORJA

IT‐2 PARTI – MRO MANOEL PIROTTA 

Malta Missjunarja (MM) (1937‐41):Fil‐ħarġa ta’Jannar 1937, paġna 13, insibu l‐‘Innu tas‐Santa Infanzja’,miġjub mit‐Taljan minn ċertu E. Apap, b’ritornell bi kliem differenti wara kull żewġ strofi kwinarji. Il‐poeżija tittratta proprju l‐festa tas‐Santa Infanzja li kienet tkun iċċelebrata
nhar l‐Epifanija b’purċissjoni b’bambin iswed. Dari, it‐tfal tal‐Mużew kienu jagħtu sold fix‐xahar għat‐tfal tal‐Missjoni. Mhux l‐ewwel darba li sfortunatament kont tisma’ ’l xi tifel jgħajjar
’l ieħor ‘Qisek tas‐Santa Infanzja’ meta xi ħadd minnhom kien ikun jidher niexef iżżejjed. Din l‐organizzazzjoni mmexxija mill‐Knisja bl‐isem ta’ ‘La Pontifica Opera della Infanzia Missionaria’ kienet twaqqfet fl‐1843 mill‐Isqof Charles de Forbin‐Janson (1785‐1844) biex tgħin lit‐tfal infidili Ċiniżi. F’Malta, Mons. Sidor Formosa (1851‐1931) mill‐Belt, li kien ta’ nisel nobbli, ħadem ħafna biex jara ’l din l‐opra tikber. F’riġel dan l‐innu nsibu n‐nota li ġejja bil‐Malti qadim: ‘dan l‐innu huwa wkoll mużicat u għalhecc jista’ wieħed jgħallmu lit‐tfal 

biex icantawħ’. Poeżija oħra bil‐Malti hija dik ta’ Mons. Gauci: ‘Veni S. Spiritus’ (Sena V, Mejju 1937, nru 5, p.110) b’sitt strofi ta’ seba’ versi kwinarji l‐waħda u rima abċadde, u ‘Il‐Missjunarju w il‐Qalb ta’ Ġesù’ (Sena V, Ġunju 1937, nru 6, p.139), b’10 strofi endekasillabi u rima alternata ta’ V.D. Ciappara li huwa kiteb fl‐1 ta’ Mejju tal‐istess sena. 

Konkors ta’ poeżiji: F’Marzu tal‐1937 id‐direzzjoni ta’ MM nediet ‘Concors ta’ Poesiji’ b’rabta mal‐missjoni (li oriġinarjament kellu jkun wieħed għall‐poeżiji u novelli), fl‐okkażjoni t’għeluq il‐ħames snin ħajja tar‐rivista. Il‐konkors kien miftuħ għal kulħadd u l‐poeżiji ta’ kull għamla ma kellhomx ikunu itwal minn 40 vers. Dawn setgħu jintlaqgħu sal‐aħħar t’April, bir‐riżultati jitħabbru fil‐MM kemm ukoll f ’ġurnali 

oħrajn. Wieġbu għalih 33 skritturi b’36 xogħol. 31 minnhom għaddew mill‐kritika tal‐eżaminaturi, b’sitta jiġu approvati u ħamsa skwalifikati minħabba li ma mxewx skont ir‐regolamenti. F’kummenti li tat id‐direzzjoni dwar ir‐riżultat tal‐konkors (Sena V, Lulju 1937, nru 7, pp.147‐8): (a) il‐biċċa l‐kbira tagħhom ma kien fihom ebda ħjiel ta’ taqsim u bini sewwa ta’ versi, ta’ ħsieb xieraq u għoli, u li fuq kollox ta’ sengħa poetika: minn kitbiethom kienu jidhru li ma kellhomx tagħlim fond fil‐ktiba letterarja Maltija; (b) dawk approvati nkitbu bis‐sengħa u kellhom ħsieb, stil u ritmu tajbin, b’uħud minnhom tassew oriġinali. 

Ċaħda (Sena V, Lulju 1937, nru 7, pp.149‐150) ta’ Karmenu Vassallo (1913‐87) (psewdonimu: Lumen Ecclesiæ) kienet il‐poeżija rebbieħa tal‐ewwel post. Warajha ġiet ‘Imbierek Dellkom!’ (Sena V, Lulju 1937, nru 7, p.157), poeżija datata 25 t’April, b’10 strofi settenarji u rima abċb ta’ Robbie Mifsud Bonnici (R.M.B.) (1884‐1967) (psewdonimu: Mac‐Ivel), prożatur u konferenzier b’xejra soċjali, imwieled Ħal Qormi. Fit‐tielet post ġiet ‘Missier il‐Missjoni’ (Sena V, Lulju 1937, nru 7, p.163) bi 

tmien strofi endekasillabi u rima abċb tal‐Bormliż Ġużè Pesci (1894‐1956) (psewdonimu: Ragħaj Habrieki). Poeżiji oħrajn li ssemmew b’ġieħ fil‐konkors u li dehru fil‐MM (Sena V, Awwissu 1937, nru 8) huma: 

‘Ħmira u Dqiq’ (p.173), b’10 strofi senarji u rima abbċ ta’ R.M.B. (psewdonimu: Le Verrier); ‘Leħen il‐Missjunarju’ (p.179) ta’ Ġużè Pesci (psewdonimu: S. Di G.) u ‘Milied ta’ Missjunarju’ (p.185) ta’ Carmenu Vassallo (psewdonimu: Giorġ Vassallo). Fl‐istess sena dehru tliet poeżiji oħrajn ta’ R.M.B.: ‘Mill‐Ħidma ta’ Nażżaret’ (Sena V, Settembru 1937, nru 9, p.199). Fl‐istess ħarġa, p.205, dehret ukoll ‘Fis‐Saħħara’, poeżija ta’ Mons. Gauci bi tmien terzini kwinarji doppji u rima aba, u li iżda ma kienx ikkompeta biha fl‐imsemmi konkors; ‘Il‐Jum tal‐Mewt minn Alla’ (Sena V, Ottubru 1937, nru 10, p.231) u ‘Kristu Msallab’ (Sena V, Novembru 1937, nru 11, p.255). 

Fl‐1938 dehru aktar poeżiji: ‘Lux Vera’: (S. Joan) (Sena VI, Frar 1938, nru 2, p.31) u ‘Ara xi Ġmiel!’ (Sena VI, Mejju 1938, nru 5, pp.111‐2), it‐tnejn ta’ Mons. Paolo Gauci (1867‐1942), membru tal‐Kumitat Permanenti tal‐Kungressi Ewkaristiċi Internazzjonali, kanoniku kantur tal‐katidral, Prelat Domestiku tal‐Papa u paneġirista magħruf; ‘Innu lil S. Tereża tat‐Tfajjel Ġesù’ (Sena VI, Marzu 1938, nru 3, p.57) (psewdonimu: Fraca), b’ħames strofi settenarji, imbejna bir‐ritornell: ‘Qorob għalik, Tereża, / kmieni għalaqt iż‐żmien. / Ersaq għalhekk bla biża’ / fi ħdan Sid il‐ħolqien.’

MRO MANOEL PIROTTA

Let your friends know! Share this: