Mons. Anton Teuma
GĦALL‑JUM DINJI TAL‑MISSJONIJIET 2021
Inħabbru Dak li Rajna u Smajna
M’hemmx sejħa għall‑ħajja mingħajr missjoni
Alla jsejjaħ lil min iħobb. Il‑ħajja hija sejħa li tiġi mill‑imħabba u hija sejħa għall‑imħabba.
Meta Ġesù jsejjaħ lit‑Tnax, San Mark jgħidilna li “sejjaħ lil dawk li ried hu” (3:13), fi kliem ieħor lil dawk li ħabb. Meta Ġesù jsejjaħ liż‑żagħżugħ għani, il‑Vanġelu jgħidilna li Ġesù “ħares lejh u ħabbu” (10:21). Kull bniedem li huwa msejjaħ għall‑ħajja, huwa rigal tal‑imħabba ta’ Alla murija fl‑imħabba ta’ raġel u mara li jsiru ġenituri.
Mas‑sejħa tal‑ħajja hemm marbuta wkoll il‑missjoni tal‑kondiviżjoni fir‑relazzjoni. Il‑bniedem li huwa msejjaħ għall‑ħajja frott l‑imħabba, huwa mibgħut biex jgħix il‑ħajja flimkien ma’ oħrajn. In‑Nisrani, frott l‑imħabba, huwa msejjaħ mhux biss għall‑ħajja, imma wkoll biex ikun dixxiplu ta’ Ġesù. Mimli bl‑imħabba ta’ Ġesù huwa msejjaħ ukoll biex iħobb u jagħti lilu nnifsu għall‑imħabba ta’ ħutu.
Il‑ħajja mhix destin imma pjan ta’ mħabba
Ġieli l‑ġrajjiet tal‑ħajja jgħallmuna b’mod żbaljat li l‑ħajja hija xorti. “Min jitwieled xortih tajba u min b’xortih ħażina!” Imma mhix din ir‑realtà. Il‑Vanġelu jgħallimna li l‑ħajja hija dejjem don, rigal frott l‑imħabba ta’ Alla. Wieħed mill‑ewwel għarfien li jrid jagħmel il‑bniedem huwa proprju dan – li jiskopri lilu nnifsu maħbub minn Alla, u li l‑ħajja li jgħix mhix għajr espressjoni ta’ din l‑imħabba. msejħa biex tgħin lil kull membru tagħha jagħraf din ir‑realtà li tinsab fil‑bażi mhux biss tal‑ħajja ta’ kull bniedem imma fuq kollox fil‑bażi tas‑serenità u l‑paċi tiegħu.
Sakemm il‑bniedem ma jindunax li huwa tassew maħbub minn Alla, qatt ma jista’ jqis il‑ħajja bħala rigal. Il‑ħajja tibqa’ biss xorti, destin li sibt ruħek fih u trid tagħmel li tista’ biex meta tiġik tajba, takkwista kemm tiflaħ, f’kompetizzjoni mal‑oħrajn, bl‑iskop uniku li tapprofitta minn kull mument u tipprova tevita t‑tbatija kif tista’, anki akkost li titfagħha fuq ħaddieħor jew li tuża mezzi mhux morali biex tiffrankaha.
Meta nagħraf li fl‑għeruq tal‑eżistenza tiegħi bħala bniedem hemm l‑imħabba ta’ Alla li għażilni biex ngħix, il‑ħajja tiegħi tieħu togħma għalkollox differenti. Inkun kapaċi nara mhux biss id‑diffikultajiet u l‑weġgħat, imma fuq kollox ninduna bis‑sabiħ u bil‑barkiet li rċevejt. Lin‑nies ta’ madwari ma nqishomx kompetituri jew ħallelin li jfixkluni milli nasal fejn irrid, imma aħwa li rċevew doni għaxhuma wkoll maħbubin mill‑Missier. Il‑ħajja ma tkunx aktar ġlieda ta’ poter jew ta’ min ser jaħkem l‑aktar, imma okkażjoni ta’ ferħ fil‑kondiviżjoni tal‑ġid u tad‑doni li kull wieħed u waħda rċevew.
Din il‑konverżjoni mill‑ħajja destin jew xorti għall‑ħajja pjan ta’ mħabba hija meħtieġa biex nifhmu l‑Missjoni. Min il‑ħajja jeħodha bħala destin jew xorti, jgħaddi l‑parti kbira tagħha jara kif ser jakkwista għalih, kif ser ikun maħbub, kif ma jbatix, kif ser ikun aħjar mill‑oħrajn. Min il‑ħajja jeħodha bħala pjan ta’ mħabba, għandu l‑possibbiltà li jħossu xxurtjat u għalhekk iħoss il‑bżonn li jaqsam minn dak li rċieva mal‑oħrajn. Imħabba, sejħa għall‑ħajja u missjoni huma tliet uċuħ tal‑istess realtà.
Kif nista’ ma nxandarx?
Fil‑Messaġġ tiegħu għall‑Ġurnata Missjunarja ta’ din is‑sena, il‑Papa Franġisku jiffoka fuq in‑nar li għandu jkun hemm jaqbad fil‑qalb ta’ kull dixxiplu ta’ Ġesù biex ixandar l‑Aħbar it‑tajba hemm fejn għadha ma waslitx. Esperjenza sabiħa qatt ma nistgħu nżommuha għalina, imma jeħtieġ li nagħmlu esperjenza sabiħa ta’ Alla. Inkella t‑tħabbira li nippruvaw nagħmlu lill‑oħrajn tkun sempliċement frott id‑dmir u ma jkollha l‑ebda saħħa għax tkun nieqsa mill‑involviment tal‑persuna sħiħa.
Meta aħna d‑dixxipli ta’ Ġesù nagħmlu esperjenza vera tal‑ħelsien li ġġib il‑Kelma tiegħu u tas‑sbuħija meta timxi wara Ġesù, imbagħad il‑kliem tagħna u t‑tħabbira tagħna lill‑oħrajn ikollhom saħħa kbira għax ikunu mimlija mhux bl‑isforzi tagħna imma bl‑Ispirtu s‑Santu li jaħdem fina. Tħabbira bħal din ma tistax ma tħallix frott.
Missjunarji fi djarna
Qed ngħixu fi żmien fejn il‑quddiesa tal‑Ħadd, is‑sagrament tal‑qrar, it‑talb, m’għadhomx ċentrali bħalma kienu qabel fil‑ħajja tal‑familji tagħna. Dawk minna li għadhom iħossu l‑importanza tal‑ħajja tal‑fidi, huma msejħa biex ikomplu jidħlu fil‑fond tar‑relazzjoni tagħhom ma’ Alla. Hekk, il‑paċi tal‑qalb li jkollna meta nkunu ħbieb tiegħu tqanqalna u timbuttana biex immorru għand l‑oħrajn u noffrulhom is‑sabiħ tal‑fidi.
Spiss dan kollu rridu nibdewh minn djarna. Jekk niskopru l‑ħajja tal‑fidi bħala esperjenza importanti, ma niddejqux inħajru oħrajn biex jidħlu fiha. Dawn jistgħu jkunu ħbiebna, ħutna, uliedna u xi drabi anki l‑ġenituri tagħna. Il‑Pjan Pastorali li qed nibdew fid‑Djoċesi ta’ Għawdex, għandu l‑għan li aħna li nqisu ruħna qrib tal‑Knisja, niskopru tassew is‑sabiħ tal‑fidi, biex hekk oħrajn jittieħdu minna.
Mons. Anton Teuma Isqof ta’ Għawdex