MISSJUNARJI TA’ ŻMINIJIETNA

Is‐Sorijiet Missjunarji Qaddejja tal‐Fqar fil‐Peru

Hekk kif bdiet il‐kwarantina minħabba l‐pandemija tal‐COVID‐19, is‐Sorijiet Missjunarji Qaddejja tal‐Fqar fil‐Peru waqqfu l‐ħidma pastorali tagħhom fl‐irħula, fl‐iskejjel u fl‐oratorju, imma l‐ħidma tagħhom f ’Dar Santa Tereża ta’ Ġesù f ’Punacancha kompliet u għadha għaddejja. Huma jieħdu ħsieb ommijiet immigranti mill‐Venezwela li jmorru jittallbu għall‐ikel biex jitimgħu lill‐familji tagħhom. Dawn huma
nies foqra li għandhom biss xogħol temporanju li ma jirrendix biżżejjed flus sabiex jitimgħu lill‐familji tagħhom. Fosthom issib ukoll ommijiet ta’ tfal morda li m’għandhomx flus biżżejjed biex jeħduhom l‐isptar u ommijiet li qed jistennew biex iwelldu, li la għandhom ħwejjeġ għalihom u wisq anqas għat‐trabi tagħhom. 

Barra minn hekk huma ħafna n‐nies li jċemplulhom sabiex jitolbuhom jiftakru fihom fit‐talb tagħhom, nies li jinħtieġu l‐appoġġ ta’ dawn is‐sorijiet, u nies mbeżżgħin, anzjużi u li għaddejjin minn tbatija kbira għax huma jew qrabathom huma morda bil‐koronavajrus. 

Is‐sorijiet jagħmlu minn kollox sabiex jippruvaw jappoġġjaw lil dawk fil‐bżonn filwaqt
li jikkonslawhom u jħeġġuhom ikollhom fiduċja f ’Alla waqt dawn iż‐żminijiet ta’ prova. Imma dan ix‐xogħol ma jkunx possibbli mingħajr l‐għajnuna ta’ diversi persuni, inklużi dawk mill‐pajjiż li jġibulhom l‐ikel, ħaxix u ħtiġijiet oħra, u mingħajr l‐għajnuna tal‐benefatturi li afdaw id‐donazzjonijiet tagħhom għall‐benefiċċju ta’ nies li verament għandhom bżonnhom. Is‐sorijiet ma jieqfu qatt jirringrazzjaw b’qalbhom kollha lil dawk kollha li jkomplu jgħinuhom minkejja li għandhom il‐baġit tagħhom issikkat ukoll u lil dawk li aċċertawhom it‐talb tagħhom. Is‐sorijiet jisħqu li Alla jippremja l‐ġenerożità u l‐appoġġ ta’ kulħadd fi żmien daqshekk diffiċli għal tant familji foqra. 

Matul din il‐pandemija, biex ma jkomplix jinxtered il‐vajrus, iċ‐ċelebrazzjoni tal‐quddiesa, l‐Adorazzjoni Ewkaristika u l‐attivitajiet ta’ evanġelizzazzjoni ġew sospiżi. Madankollu, il‐missjoni ta’ dawn is‐sorijiet tkompli għalkemm f ’forma differenti. Il‐mod kif komplew il‐missjoni tagħhom kien li ċemplu lin‐nies mill‐mowbajls tagħhom għal fuq linja fissa, għax ħafna huma n‐nies li għandhom għall‐inqas dan is‐servizz bażiku. B’dan il‐mod appoġġjaw familji f ’diversi missjonijiet, stednuhom jattendu l‐quddiesa virtwali u ħeġġewhom biex jirċievu lil Kristu spiritwalment u jitolbu r‐rużarju mal‐familja. Ir‐Rużarju Mqaddes jixxandar fuq l‐ispeakers biex kulħadd ikun magħqud fit‐talb u jpoġġu lilhom infushom taħt il‐protezzjoni ta’ Marija Mqaddsa u fl‐istess ħin jitolbuha tinterċedi għall‐umanità kollha. Sabiex it‐tfal setgħu jkomplu bit‐tagħlim tal‐katekeżi fid‐djar tagħhom bl‐għajnuna tal‐ġenituri, is‐sorijiet qassmu pakketti ta’ attivitajiet kateketiċI u Bibbja, ‘workbooks’ kif ukoll vidjows dwar il‐ħajja tal‐qaddisin u innijiet Kattoliċi. Is‐sorijiet ukoll ma naqsux li jkomplu jgħinu lill‐anzjani billi jqassmulhom l‐ikel. 

Is‐sorijiet li qed jaqdu l‐missjoni fid‐distrett ta’Ilo, issospendew il‐ħidma tagħhom fl‐iskola taż‐żgħar San Martin de Porres, iżda qed jappoġġjaw lill‐familji tat‐tfal b’mod differenti billi jipprovdulhom boroż bi prodotti tal‐ikel ipprovduti minn diversi benefatturi. Huma qed iqassmu wkoll ikel lill‐anzjani fi djarhom. Dan kollu grazzi għall‐providenza ta’ min ma jinsa qatt lil dawk l‐aktar fil‐bżonn. Is‐sorijiet ħadu l‐opportunità sabiex irrenovaw l‐iskola sew minn ġewwa kif ukoll minn barra, fost dawn żebgħa tal‐ħitan, bibien, siġġijiet u bankijiet. Dan sabiex ikunu aktar sbieħ, ħalli meta t‐tfal jiġu lura jkunu kuntenti u jkunu jafu kemm huma importanti għal Alla u għas‐sorijiet. 

“It‐tħabbira tas‐Saltnat’Alla ma waqfitx minħabba l‐pandemija. Huwa Alla nnifsu li jġib modi ġodda ta’ kif jestendi s‐saltna tiegħu u jinkludi lil kull min jisma’ minnu u huwa miftuħ għall‐imħabba tiegħu. Kemm nixtiequ li l‐umanità kollha taċċetta s‐saltna tiegħu li għaliha kulħadd huwa msejjaħ!” 

Madre Superjura

Artiklu meħud minn Malta Missjunarja ta’ Jannar 2022