Sena Ġdida – Bidu Ġdid

Ix‐xahar ta’ Jannar, l‐ewwel wieħed fost ix‐xhur tas‐sena, huwa msemmi għal wieħed mill‐allat li kien meqjum mir‐Rumani: Janus. Dan kien raffigurat b’żewgt uċuħ, wiċċ minnhom iħares lura u l‐ieħor iħares ’l quddiem. Qegħdin fil‐bidu ta’ sena ġdida u għalhekk importanti li nħarsu mhux biss ’il quddiem, imma wkoll lura, basta ma neħlux hemm. Il‐passat huwa dak li jagħtina l‐identità. Bniedem bla passat jitlef dak li hu llum. Ħadd minna ma jista’ qatt jiċħad il‐passat tiegħu u għalhekk hu kollu għalxejn li noqogħdu nibku l‐iżbalji li stajna għamilna. Importanti li nagħrfu fejn żbaljana biex ma nerġgħux, imma fl‐istess waqt jeħtieġ li nqumu u nħarsu dejjem ’il quddiem.

Kull bidu hu sabiħ għaliex inissel tama ġdida li nistgħu nirnexxu fejn fallejna fl‐imgħoddi. Jeħtieġ li nżommu ħajja din il‐fjamma fina għaliex minna rridu nieħdu l‐enerġija biex inkomplu bil‐mixja tagħna fost ħafna tfixkil u tiġrib. Fil‐bidu ta’ kull sena, hawn min jagħmel ħafna proponimenti li
jaf li ser jiksirhom. Jiena nissuġġerixxi li aħjar flok nagħmlu lista ta’ proponimenti, nagħmlu wieħed jew tnejn li nippruvaw akkost ta’ kollox u b’sagrifiċċju nżommuhom. Iż‐żmien huwa wisq prezzjuż u qasir fl‐istess waqt.

page4image6592752

Dun Valentino Borg Missio Malta Director

Wieħed mis‐salmi jgħidilna: “Żmien ħajjitna hu b’ kollox sebgħin sena; l‐iżjed tmenin, jekk inkunu
f ’saħħitna.” 
(90:10) Sena tgħaddi bħall‐jum tal‐bieraħ jew bħal sahra ta’ lejl u

qatt ma jerġa’ lura. Huwa importanti li nirriflettu fuq dak kollu li nagħmlu biex qatt ma jiddispjaċina minnu u fl‐istess waqt nfittxu biss li nagħmlu l‐ġid ma’ kulħadd. Il‐ħajja hija sabiħa jekk nagħrfu ngħixuha tajjeb. Jalla nħalluha ftit aħjar milli sibnieha aħna.

Għandna kemm għandna intenzjonijiet tajbin, waħedna ma nistgħu nagħmlu xejn. Alla sar bniedem biex ikun hu t‐triq li twassalna għand il‐Missier, il‐veru għan li għalih qegħdin hawn fuq wiċċ din l‐art. Alla jrid jimxi magħna u jgħinna. Jistenna biss li aħna mqar inbexxqu ftit il‐bieb ta’ qalbna għalih.

Nawgura s‐sena t‐tajba b’kull barka mis‐sema lilkom u lill‐għeżież kollha tagħkom.

Dun Valentino Borg

Missio Malta Director

Artiklu meħud minn Malta Missjunarja ta’ Jannar

Let your friends know! Share this: