Taf Għaliex Ingħatajt Ismek?

Artiklu miktub minn Mons Valent Borg u meħud minn Malta Missjunarja

Sa ftit taż‑żmien ilu, il‑ġenituri kienu jħobbu jsemmu lil uliedhom għan‑nanniet, zijiet jew qraba oħra. Kienu jħobbu wkoll isemmu għall‑qaddis jew patrun tar‑raħal jew qaddisin oħra. Din id‑drawwa kważi spiċċat għal kollox. Illum, quddiem nett issib ismijiet għall‑kantanti, plejers, postijiet u fjuri. Hawn min ifittex ismijiet tassew strambi biex ikunu uniċi. Dan qiegħed jiġri għaliex m’għadniex nagħtu importanza lill‑isem. Ma tagħmilx differenza jekk it‑tifel ikunx jismu Ċikku, Pawlu jew Toni. Imma fl‑antik ma kienx hekk. Fil‑Kotba Mqaddsa nsibu li l‑ismijiet tal‑persuni, tal‑oġġetti u tal‑postijiet kienu juru mhux biss l‑identità tagħhom, iżda fuq kollox il‑missjoni li kellhom iwettqu jew l‑iskop tal‑eżistenza tagħhom. Eva (Hawa) issejħet hekk għaliex hija ‘omm il‑ħajjin kollha’ (Ġn. 3:20), Abraham ifisser ‘missier ta’ ħafna ġnus’ (Ġn. 17:5) u Ġwanni ( Johanan) ifisser ‘Jaħweħ ħanin’.

L‑istess isem Ġesù ( Jexu’a) ifisser ‘Jaħweħ isalva’: “għax hu jsalva l‑poplu tiegħu minn dnubiethom.” (Mt. 1:21) Skont din il‑mentalità, min jagħti l‑isem ikun ifisser li hu s‑sid, li jista’ jeżerċita s‑setgħa tiegħu fuq dik il‑persuna. Hekk, Alla jagħti l‑ismijiet lill‑ħlejjaq li għamel, (Ġn. 1:3‑10) jew isejħilhom b’isimhom. (Is. 40:26) Il‑Lhud kellhom ukoll id‑drawwa li flok il‑kunjom kienu jġibu ma’ isimhom, isem il‑missier; Ġesù bin Ġużeppi jew Xmun bin Ġona. Alla wera ismu, Jaħweħ, lil Mose, (Eż. 3:13‑16) li jfisser ‘Jien li jien’ jew ‘Jiena Hu’. Alla għamel dan mhux għaliex kellu bżonn jagħmel hekk. Huwa waħdu l‑Ħaj u li jagħti l‑Ħajja. Imma l‑Lhud kienu jqisu lil xi ħadd bla isem daqslikieku ma jeżistix. L‑isem t’Alla ‘Jaħweħ’ hu sinonimu għal Alla nnifsu, għalhekk, it‑tieni kmandament ‘La ssemmix l‑isem tal‑Mulej Alla tiegħek fix‑xejn’. (Eż 20:7) Il‑Lhud tant kellhom qima u rispett lejn dan l‑isem li kienu jsejħu lil Alla b’isem ieħor bħal ‘Adonaj’ (Sidi). Ġesù żamm ma’ din it‑tradizzjoni biss żied magħha t‑titlu ta’ Missier li tiegħu hu nnifsu hu l‑Iben. (Mt. 11:25)

Ġesù stqarr li hu għarraf ismu lill‑bnedmin, jiġifieri għarrafhom min hu tassew Alla. (Ġw. 17:6) L‑ewwel Insara wrew rispett u qima lejn l‑isem ta’ Ġesù bħalma għamlu l‑Lhud lejn l‑isem qaddis t’Alla. Hekk li meta dawn kienu jitolbu lill‑Missier, kienu jagħmlu dan f’isem Ibnu, jiġifieri f’għaqda miegħu. (Ġw. 14:13‑6) Kif kull bniedem hu għajjur għal ismu, hekk ukoll Alla hu għajjur għall‑isem qaddis tiegħu. Alla waħdu hu l‑Qaddis, (Apok. 6:10), iżda jrid li aħna lkoll inkunu qaddisin bħalu biex ismu jkun magħruf u gglorifikat minn kulħadd. Kemm hija drawwa sabiħa li ngħidu ta’ spiss matul il‑jum: ‘Glorja lill‑Missier u lill‑Iben u lill‑Ispirtu s‑Santu’, għax Alla jistħoqqlu dejjem u kullimkien it‑tifħir tagħna. It‑tifħir ta’ ismu jġib barka fuqna, fuq pajjiżna u fuq id‑dinja kollha.

Mons Valent Borg – Direttur Missio Malta

Let your friends know! Share this:

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *