Riflessjoni tar-Randan Imqaddes

Mons. Valent Borg

Qegħdin noqorbu għall‐ġimgħa msejħa ‘Mqaddsa’. Din il‐ġimgħa tissejjaħ hekk għaliex matulha niċċelebraw b’solennità l‐misteru tal‐passjoni, il‐mewt u l‐qawmien ta’ Ġesù. F’dan il‐misteru jispikka ħafna l‐kuntrast bejn l‐imħabba infinita t’Alla lejna l‐bnedmin li wasslitu biex jagħtina lil Ibnu l‐waħdieni għas‐salvazzjoni tagħna l‐bnedmin, u mill‐banda l‐oħra l‐kefrija tagħna l‐bnedmin effett tad‐dnub. Ġesù kien iddikjarat innoċenti mill‐Gvernatur Ponzju Pilatu, imma b’danakollu xorta waħda tah il‐mewt tas‐salib.

Min ittradixxa lil Ġesù? It‐tweġiba hija faċli:
Ġuda, għax hu mar għand il‐kbarat tal‐Lhud jinnegozja biex jagħtihom lil Ġesù f ’idejhom. U huma tawh borża mimlija bi tletin biċċa tal‐fidda. Imma jekk irridu nkunu sinċiera magħna nfusna, ilkoll irridu nammettu li f ’dik il‐borża hemm il‐kontribut ta’ kull wieħed u waħda minna. Ilkoll tajna ftit jew tajna ħafna ċenteżmi biex inwarrbu lil Ġesù min‐nofs.

Aħna lkoll ħatja. San Ġwann jgħidilna li kull min jgħid
li huwa mingħajr dnub, huwa giddieb! Li nagħrfu li aħna tassew midinbin huwa l‐bidu tal‐fejqan mid‐dnub tagħna u fl‐istess waqt bidu ta’ qdusija kbira. Ħadd minna ma jista’ jaqla’ l‐fejqan mill‐marda tiegħu jekk ma jagħrafx li hu marid u ma jagħrafx isejjaħ b’isimha l‐marda tiegħu.

X’inhu d‐dnub tiegħi?

Kemm qiegħed inħoss il‐bżonn ta’ Ġesù fil‐ħajja tiegħi?

Għandi kemm għandi rieda tajba ma nista’ qatt ninħeles u nfiq mid‐dnub tiegħi waħdi. Ġesù stess qalilna li mingħajru ma nistgħu nagħmlu xejn. Ġesù, bil‐mewt tiegħu fuq is‐salib, qiegħed jistedinna lkoll: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mtaqqlin, u jiena nserraħkom.” M’hemm l‐ebda dnub li ma jistax jinħafer u ninħeles minnu, għaliex Ġesù diġà ħallas għad‐dnubiet kollha tagħna. Li jonqos huwa li b’qalb niedma u sogħbiena nħares lejh u nitolbu maħfra u ħniena, għaliex Ġesù ma ntbagħatx biex jikkundannana, iżda biex joffrilna l‐maħfra tal‐Missier.

Aħna u nirriflettu fuq il‐kobor ta’ din it‐tjieba t’Alla, Alla issa qiegħed jgħidilna li kif hu jimxi magħna, hekk aħna rridu nimxu ma’ xulxin. Jekk trid li Alla jħenn għalik, ħenn inti wkoll. Jekk trid taqla’ maħfra tad‐dnub, aħfer inti wkoll. Dan huwa s‐sinifikat tal‐Għid, li jiena mmut għad‐dnub tiegħi biex inqum ma’ Ġesù ħalli ngħix ħajja tixbah lil tiegħu. Jekk nagħmlu dan, żgur li d‐dinja tkun wisq isbaħ milli hi!

Artiklu meħud minn Malta Missjunarja ta’ Marzu 2022

Let your friends know! Share this: