Niċċelebraw 200 Sena Missjoni

EDITORJAL – CLAUDIA CINI

Editorjal meħud minn Malta Missjunarja Marzu 2022

Missio bdiet bil‐viżjoni ta’ mara waħda. 200 sena ilu żagħżugħa Franċiża, Pauline Marie Jaricot (1799‐1862), kellha l‐viżjoni ta’ netwerk internazzjonali ta’ talb u appoġġ għall‐ħidma missjunarja. Mill‐impenn ta’ din il‐mara waħda, il‐missjoni globali tal‐Knisja sabet sostenn u appoġġ. Bħala lajka impenjata sabiex tappoġġa l‐attivitajiet missjunarja tal‐Knisja, Pauline tfakkarna li l‐qdusija mhix ristretta biss għall‐ordnijiet reliġjużi jew membri ta’ kongregazzjonijiet reliġjużi.

L‐2022 hija sena speċjali għalina peress li timmarka anniversarji sinifikanti fl‐istorja tagħna, fosthom il‐200 anniversarju mit‐twaqqif tas‐Soċjetà tal‐Propagazzjoni tal‐Fidi (1822), li hawn Malta hija magħrufa bħala Missio Malta. F’Mejju 2022 se ssir il‐beatifikazzjoni ta’ Pauline Jaricot, tragward ewlieni fil‐mixja biex tiġi rikonoxxuta bħala qaddisa. Papa Franġisku appunta lill‐Kardinal Luis Antonio Gokim Tagle, prefett tal‐Kongregazzjoni għall‐Evanġelizzazzjoni tal‐Popli, sabiex jippresjedi ċ‐ċerimonja tal‐beatifikazzjoni tal‐Venerabbli Pauline Jaricot f ’Lyon fi Franza nhar it‐22 ta’ Mejju 2022.

Pauline Jaricot kienet żagħżugħa rivoluzzjonarja
li rat il‐bżonn u kienet imġiegħla tagħmel xi ħaġa dwaru. Imwielda fi żmien meta n‐nisa la kienu intraprendituri u lanqas dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jew influwenzaturi, Pauline Jaricot sawret mod ġdid u prattiku biex in‐nies jingħaqdu flimkien, jespandu l‐fidi tagħhom u jaqsmu dak li kellhomma’ dawk fil‐bżonn. Il‐Kardinal Tagle rrifletta fuq l‐aspetti ta’ kariżma li kellha Pauline u ddikjaraha li minn żerriegħa nibtet siġra kbira!

Permezz tal‐viżjoni u l‐enerġija ta’ Pauline, illum netwerk dinji ta’ missjunarji lajċi u mexxejja tal‐Knisja qed jaħdmu flimkien mal‐komunitajiet l‐aktar fil‐bżonn, kawża ta’ persekuzzjoni, status ta’ minoranza jew nuqqas ta’ riżorsi materjali.

“Jien ġejt maħluqa biex inħobb u naġixxi. Il‐klawsura tiegħi hija d‐dinja.” Pauline Jaricot.

Nistednuk tingħaqad magħna fi vjaġġ missjunarju billi

żżur il‐pagna tal-websajt dedikata għall- Pauline Jaricot www.missio.org.mt/pauline u

tkompli ssegwi l‐artikli fir‐rivista tagħna Malta Missjunarja.

Let your friends know! Share this: