Beata Sor Marija Laura Mainetti

Sor Marija Laura Mainetti, Taljana ta’ 60 sena li nqatlet b’daqqiet ta’ sikkina minn tliet tfajliet fis-sena 2000 f’Chiavenna, ġiet ibbeatifikata nhar il-Ħadd 6 ta’ Ġunju, 2021 wara li Papa Franġisku ddikkjaraha martri. Hija kienet issuperjura li tieħu ħsieb il-kunvent tas-Sorijiet tas-Salib f’Chiavenna. Kienet magħrufa għalli mpenn soċjali li kellha u għall-karità li kienet tagħmel maż-żgħażagħ u man-nies fil-bżonn. Fis 6 ta’ Ġunju 2000, tliet tfajliet li kienu jafuha sew għax kienet tgħallimhom il-katekizmu, qalu lil Sor Marija biex tiltaqa’ magħhom fil-għaxija fi ġnien pubbliku, għax waħda minnhom riedet tkellimha peress li sfat stuprata, ħarġet tqila u kienet qed tikkonsidra tagħmel abort. Kif waslet, ittfajliet bdew jgħajtu magħha u ġegħluha toqgħod għarkupptejha. Waħda mit-tfaljliet bdiet tagħtiha b’kantun tal-briks u oħra bdiet tħabbtilha rasha mal-ħajt, filwaqt li waħda wara l’oħra bdew jagħtuha daqqiet b’sikkina tal-kċina; b’kollox dsatax il daqqa. Kellhom l’intenzjoni li jagħtuha tmintax il daqqa ta’ sikkina, sitt darbiet kull waħda biex jiffurmaw in-numru 666. Sor Mainetti talbet il-ħin kollu waqt l’attakk u talbet lil Alla biex jaħfer lil dawn it-tfajliet. L’aħħar kelmiet li nisslet kienu: “Mulej, aħfrilhom.”

It-tfajliet li nstabulhom xi noti b’kitbiet sataniċi, ammettew dak li għamlu, ġew akkużati u weħlu l-ħabs. Meta ħarġu mill-ħabs, dawn it-tfajliet bdew ħajja u familji ġodda. Waħda minnhom kitbet ittra lis-sorijiet tal-kongregazzjoni li tgħid li l’memorja ta’ Sor Mainetti taħfrilha waqt li kienet qed toqtolha, baqgħet magħha. “Jien tagħha għandi biss memorja ta’ mħabba. U barra minn dan, ġegħlitni nemmen f’xi ħaġa li la hi Alla u lanqas Satana, imma li hija mara sempliċi li għelbet il-ħażen. Issa fiha nsib wens u l’grazzja li nissaporti dak kollu li ngħaddi minnu. Jien dejjem nitlobha u ċerta li ser tgħinni nkun persuna aħjar.” 

Il-quddiesa tal-beatifikazzjoni saret fi grawnd tal-isport f’Chiavenna, fejn attendew mal 2,500 ruħ. Papa Franġisku qal: “Illum Chianvenna, fid-Djoċesi ta’ Como, Sor Maria Laura Mainetti, li nqatlet minn tliet tfajliet taħt l’influwenza ta’ setta satanika, 21 sena ilu, ser tiġi bbeatifikata. Hija kienet tħobb lil dawn iż-żgħażagħ b’qalbha kollha u kienet hi stess li għenithom u waslet biex ħafritilhom fl’aħħar nifs ta’ ħajjitha. Din is-soru ħallitilna programm għal ħajjitna, dak li nagħmlu l’affarijiet, anki żgħar, b’fidi, b’imħabba u b’entużjażmu. J’alla l’Mulej jagħtina lkoll l-fidi, l-imħabba u l-entużjażmu.” 

“Li taqdi lil Kristu huwa li s-saltan: Hawn jien: il-ferħ tas-servizz tiegħi kull mument f’konformità mar-Rieda Divina Tiegħek.” Sor Marija Laura Mainetti kitbet dan fid-djarju tagħha, fil-ġurnata li fih ipprofessat fl’1959. 

Nancy Camilleri

Malta Missjunarja Awwissu 2021

Let your friends know! Share this: