Lezzjonijiet Tal-Kultura Fl-Iskejjel

MissioTfal hija waħda mill-pilastri ta’ Missio Malta fejn il-kordinatriċi tiltaqa’ mat-tfal fl-iskejjel u fil-parroċċi. Għal dan il-għan, flimkien naraw kif tfal oħra fid-dinja jgħixu u jitgħallmu. L-għan tagħna huwa wkoll li noħolqu għarfien missjunarju fit-tfal fejn dawn jitgħallmu fuq kulturi differenti ta’ pajjiżi differenti sa minn età żgħira. Dan meta llum niltaqgħu ma’ ħafna nies minn pajjiżi oħra fid-dinja li qegħdin jgħixu hawn Malta. Tajjeb għalhekk li nitgħallmu xi ftit fuq dawn il-pajjiżi biex inkunu nistgħu nikkomunikaw, nifhmu lil xulxin u nkunu ħbieb veri.

Din is-sena, wara li ġew rilaxxati ħafna mir-restrizzjonijiet tal-COVID-19, stajna mmorru fl-iskejjel bħal qabel. Ħdimna ma’ ħafna skejjel ġodda u ltqajna ma’ ħafna tfal minn postijiet u ta’ etajiet differenti. Kellna l-opportunità li mmorru fl-iskejjel primarji tal-Mellieħa, ta’ Marsaxlokk u ta’ Ħal Tarxien. Morna wkoll fl-iskola ta’ St. Joseph ta’ Raħal Ġdid. Ma’ dawn it-tfal tkellimna dwar il-festival spettakolari tal-Lanterni fiċ-Ċina u spjegajna li din is-sena ċ-Ċiniżi qed jiċċelebraw is-sena tat-tigra. Dħalna fid-dettal magħhom dwar x’jieklu f’dawn il-ġranet u kif iżejnu t-toroq b’tant dwal u kuluri b’dawn il-lanterni ta’ kull tip u għamla. Wara t-tfal kellhom iċ-ċans li jagħmlu l-lanterni tagħhom. 

Tkellimna wkoll fuq il-Ghana fejn urejnihom vidjow dwar il-proġett ta’ Sor Stan li tmexxi dar tat-tfal li Missio qed jgħin u jappoġġja. Tkellimna fuq l-istrument nazzjonali tal-Ghana li huwa t-tambur u dwar festival kbir li jsir f’April fejn in-nies jinġabru ħdejn ix-xmara u jagħmlu kunċerti kbar u jdoqqu tnabar ta’ kull tip li huma tradizzjonali tal-Ghana. Dan il-festival idum sejjer għal madwar ġimagħtejn u għalih imorru ħafna turisti. Mat-tfal iż-żgħar għamilna tanbur u ferħu ħafna meta bdew idoqquh fil-klassi, filwaqt li mat-tfal ftit akbar għamilna affarijiet oħra, bħalma hija t-tajra meta tkellimna dwar il-Gwatemala u l-Peru. Kellimnihom dwar il-missjunarji tagħna fil-Peru u wrejnihom xi filmati minn dawn il-postijiet, u dwar il-festival tat-tajr li jiċċelebrawh f’Jum il-Mejtin Kollha. Dawn jagħmlu tajr ta’ kull daqs u għamla sbieħ ħafna billi jpittru fuqhom u għalhekk fihom infushom huma xogħol tal-arti ferm sabiħ. Dawn it-tajr jirrapreżentaw l-erwieħ li aħna nemmnu li jitilgħu s-sema u jitolbu għalihom. Hija użanza sabiħa ħafna.  

Issa wkoll qed nagħmlu sessjonijiet tal-kultura mal-istudenti tal-iskejjel medji u sekondarji. B’dan il-mod inkunu qed ngħallmu dejjem iżjed dwar nies u pajjiżi differenti u b’hekk inkunu qed nrawmu fl-istudenti mentalità missjunarja li hija nklussiva u miftuħa għal kulħadd.

Let your friends know! Share this: