Animazzjoni missjunarja

Seminarju tal-Virtu

F’Ottubru, aħna ta’ Missio ġejna mistiedna għall-ġurnata fiċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet fis-Seminarju tal-Virtù. Kienet l-ewwel laqgħa fejn kien ser ikollna magħna l-bniet ukoll bl-għajnuna ta’ tliet sorijiet Salesjani. Konna ser nitkellmu maż-żgħażagħ kollha tas-sekondarja u s-sixth form. Ippreparajna erba’ stazzjonijiet jew kmamar differenti biex dawn jitqassmu u ma jkunux kollha f’daqqa. Ippreparajna spazji ta’ talb missjunarju fil-kappella. Dawn kienu jikkonsistu f’sitt spazji ta’ talb fejn iż-żgħażagħ riedu jitolbu skont l-istruzzjonijiet. Dan għamilnieh biex b’dawn l-ispazji ta’ talb noħolqu ambjent ta’ esperjenza missjunarja u anki sens ta’ stagħġib li jfakkarna fi żmien Ġesù li għadu magħna sal-lum. Dan is-sens ta’ stagħġib jirreferi għalih fil-messaġġ tiegħu Papa Franġisku stess. 

 Il-“mod kif iħobbna l-Mulej lilna tissorprendina, u dan l-istagħġib ma nistgħux inżommuh għalina. B’dan il-mod biss jista’ jwarrad il-miraklu tal-ġenerożità, li nagħti b’ġenerożità lili nnifsi.” (Messaġġ lis-Soċjetajiet Missjunarji Pontifiċi – 21 ta’ Mejju 2020). Din l-esperjenza permezz ta’ dawn l-ispazji ta’ talb ser tibqa’ magħhom u tmissilhom qalbhom bħalma jaf jagħmel biss Ġesù.

Ezempju ta’ prayer space fl’animazzjoni
Ms Nancy Camilleri fl’animazzjoni missjunarja

Kellna wkoll seminarista li offra jdur bil-kamera u jistaqsi liż-żgħażagħ xi tfisser missjoni għalihom. Kien hemm min qal li missjoni tfisser li tagħmel dak li jixtieq Alla minnek, li tgħin lill-oħrajn jew li tħalli kollox warajk u tmur tgħin f’pajjiż ieħor.

Tnejn mill-kmamar kienu waħda għas-sorijiet Salesjani sabiex jagħtu x-xhieda u l-esperjenza tagħhom missjunarja. Kamra oħra għalina ta’ Missio li fiha stajna nirriflettu fuq il-Vanġelu ta’ Jum il-Missjoni. Dan hu meta Ġesù bagħat lid-dixxipli jgħammdu fl-Isem tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu; fejn dħalna fid-dettal li Alla hu wieħed fi tliet persuni. Tliet persuni differenti li jgħixu f’imħabba perfetta. Għalhekk, aħna msejħin biex niftħu qalbna għall-oħrajn u nħobbu lil kulħadd kif inhu. M’hemmx kulur tal-ġilda, reliġjon, opinjoni, lingwa jew razza li għandha żżomna milli nħobbu. Kultant ukoll mhemmx għalfejn ‘tmur’ il-missjoni. Kultant trid tibda mid-dar, l-iskola u l-postijiet tax-xogħol. Ġesù jridna nibdew inħobbu minn dawn il-postijiet proprju kull fejn inkunu. 

Dan ukoll huwa rifless tal-messaġġ ta’ Papa Franġisku għal din is-sena: “Għax min-natura tagħha stess, il-ħajja tal-fidi titlob minna li nkunu dejjem iktar miftuħin u li nkunu kapaċi nħaddnu u nilħqu lil kulħadd, kullimkien.”

Kienet esperjenza unika li fiha pparteċipaw madwar 150 żagħżugħ u adolexxenti. Kienet verament festa ta’ mħabba lejn kulħadd. Jalla dak li hemm f’qalb dawn iż-żgħażagħ iseħħ ħalli jkomplu jxerrdu din it-tjubija kull fejn ikunu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *