Mid-Dinja Taż-Żgħażagħ

“L-istorja tal-evanġelizzazzjoni bdiet mix-xewqa kbira li jsejjaħ u jidħol fi djalogu ma kulħadd…”(Mill-messaġġ ta’ Papa Franġisku għal Jum il-Missjoni 2021). 

Parti mix-xogħol tiegħi bħala kordinatriċi ta’ MissioTfal huwa li nagħmel animazzjoni missjunarja, jiġifieri nqajjem għarfien dwar x’inhi missjoni. Dan nagħmlu billi noħloq djalogu kemm mat-tfal u anki maż-żgħażagħ.  

Dan l-aħħar żort il-Parroċċa ta’ San Ġużepp Ħaddiem, f’Birkirkara, u anki l-Parroċċa tal-Immakulata Kunċizjoni f’ Bormla mal-grupp taż-żgħażagħ GAŻ 16+ u anki mal-grupp taż-żgħażagħ ZAK tas-Siġġiewi fejn iltqajt ma’ madwar 45 żagħżugħ u żagħżugħa minn sittax-il sena ’l fuq. Magħhom tkellimt fuq xi tfisser verament il-kelma ‘Missjoni’ għalihom. Kien hemm min qal li missjoni tfisser li taħdem biex issir dak li tixtieq meta tikber. Oħrajn qalu li missjoni tfisser dak li jġiegħlek trid tagħmel xi ħaġa biex tibdel xi sitwazzjoni. Jew li tagħmel dak li Alla jixtieq minnek. Kollha kienu eżempji tajbin ta’ xi tfisser missjoni, għax li taħdem biex issir dak li tixtieq tkun meta tikber u dik il-ħeġġa li nħossu biex ngħinu, nistudjaw jew nikkreaw xi ħaġa biex intejbu s-sitwazzjoni, huma minnhom infushom ‘missjoni’. Dawn huma sejħat li poġġihomlna Alla fi qlubna, u għalhekk din is-sejħa hija l-missjoni tagħna. Anki jiena qsamt magħhom li għalija missjoni tfisser ukoll sfida, sfida li dejjem hemm affarijiet ġodda li trid titgħallem, tipprepara u anki tikkrea għodda biex twassal il-messaġġ aħjar.  

Dan ukoll jidher fil-messaġġ ta’ Papa Franġisku ta’ din is-sena, li jgħid li meta nisimgħu messaġġ b’saħħtu li jolqotna, iwassalna biex inkunu liberi li nqumu u nfittxu bi kreattività kull mod biex nwasslu t-tgħanniqa t’Alla li ma tabbanduna lil ħadd. U dan nistgħu nagħmluh fix-xogħol tagħna, l-iskola, l-università, fil-familja u mal-ħbieb kull fejn inkunu. Waqt il-laqgħa rriflettejna wkoll fuq Alla Missjunarju. Alla wieħed magħmul fi tlett persuni, differenti li jgħix din l-imħabba perfetta. Hu nniffsu mħabba perfetta u jistedinna nħobbu b’qalb u moħħ miftuħin għall-oħrajn. Kemm jixtieq li aħna nkunu f’mixja flimkien miegħu u nikkolaboraw miegħu billi naħdmu biex inwettqu dawn is-sejħat li jkunu qed jibnuna biex inwasslu din l-imħabba t’Alla li fl-istess ħin tibdel lilna wkoll.  

Fi gruppi ż-żgħażagħ setgħu jiddiskutu bejniethom il-kwalitajiet ta’ missjunarju. X’irid ikollok biex tkun missjunarju? Iż-żgħażagħ qasmu magħna li missjunarju jrid ikun bniedem paċenzjuż, jaf jisma’ u jkun hemm għall-oħrajn. Uħud qalulna li missjunarju huwa dak li jitlef l-identita’ tiegħu biex jgħix bħal u għal dawk li jħobb. Skont it-tema missjunarja ta’ din is-sena: “Għax aħna ma nistgħux ma nitkellmux fuq dak li rajna u smajna,” Atti 4:20, aħna ma nistgħux inżommu għalina dak li hemm f’qalbna, imma rridu nwassluh lill-oħrajn. Billi nkunu xhieda bil-mod kif ngħixu, inkunu ġenerużi, inkunu grati u ma nħallu barra lil ħadd anki lil dawk li ma nafux, sew jekk ’il bogħod jew differenti minna.  

Din kienet esperjenza verament sabiħa li għaddejt ma’ dawn iż-żgħażagħ. Ċerta li x-xhieda tagħhom ser tkun f’idejn Alla biex iwassal il-messaġġ tiegħu għand il-ħafna! 

Nancy Camilleri

Let your friends know! Share this: