Tlett Missjunarji Maltin

Il-Knisja Kattolika Titlef 3 Maltin Missjunarji Kbar

Patri Anthony Micallef SJ, li qatta’ ħafna minn ħajtu bħala missjunarju fl‑Indja miet is‑Sibt 22 ta’ Mejju, wara nofsinhar. Huwa kien magħruf ma’ ħafna għall‑ġenerożità tiegħu mal‑batut. Meta ġie lura Malta huwa ddedika ħafna mill‑enerġija u mix‑xogħol pastorali tiegħu lill‑benefatturi tal‑Ġiżwiti, filwaqt li ta’ kull xahar kien jaqsam lejn Għawdex biex iqassam il‑fuljetti tal‑Ġiżwiti: Lil Ħbiebna u r‑RM2000. Riċentament huwa kien mar jgħix Dar Loyola fin‑Naxxar. Il‑funeral tiegħu sar fil‑Knisja Parrokjali tan‑Naxxar nhar il‑25 ta’ Mejju. 

Ftit tal‑ġimagħtejn ilu, miet bastun missjunarji ieħor għall‑komunità fil‑Brażil: Patri Ġwann Xerri. Huwa kellu 74 sena u kien ilu jgħix is‑sejħa missjunarja tiegħu fil‑Brażil għal 47 sena. Patri Ġwann li qatta’ snin twal jgħix u jaħdem fost il‑foqra, miet waqt li kien pożittiv għall‑COVID‑19, fil‑Brażil. Matul ħajtu huwa kien marbut mill‑qrib mal‑movimenti tal‑ġustizzja soċjali. Ried jgħixha bl‑impenn għall‑ġustizzja, bit‑tibdil fl‑istituzzjonijiet, bl‑involviment mal‑movimenti soċjali u bl‑appoġġ għall‑politiċi, kienu fejn kienu, li jaħdmu għall‑ġustizzja. Kuba kienet wieħed biss mill‑pajjiżi li żar kemm‑il darba minħabba x‑xogħol tiegħu favur il‑ġustizzja. Il‑ġlieda għall‑ġustizzja bdiet mill‑parroċċi Brażiljani fejn qabel l‑elezzjoni kien jorganizza liż‑żgħażagħ biex bil‑lejl joħorġu jwaħħlu l‑powsters tal‑kandidati tal‑Partit tal‑Ħaddiema. Aktar ma kiber, l‑Ordni Dumnikan li kien iħaddan, afdalu xogħol marbut mal‑ġlieda għall‑ġustizzja; ġlieda li ħabbitu ma’ wħud mill‑akbar rivoluzzjonarji ta’ żmienna. Ħadem kontra l‑inġustizzji fil‑fora tan‑Nazzjonijiet Magħquda, kien fuq quddiem fil‑ġlieda kontra l‑apartheid, kien spalla ma’ spalla man‑nies ta’ East Timor u kien forċina għall‑Palestinjani. L‑appoġġ ta’ Patri Ġwann għall‑Partit tal‑Ħaddiema fil‑Brażil kien imqanqal biss mit‑twemmin sod tiegħu li dan ma kienx fil‑but tan‑nies tal‑flus il‑kbar u allura hu biss seta’ jgħin lill‑fqar. Patri Ġwann kien bniedem ta’ moħħ fin b’kapaċitajiet analitiċi. Fuq kollox kellu qalbu kbira. Aktar tard Patri Ġwann sar ambaxxatur. Din il‑ħidma għall‑ġustizzja ta’ Patri Ġwann kienet estenzjoni naturali u radikali tas‑saċerdozju tiegħu. L‑imħabba ta’ Kristu lejn il‑fqir u l‑vulnerabbli kienet issuq lil Patri Ġwann. Il‑vanġelu u t‑teoloġija tal‑liberazzjoni kienu l‑programm politiku tiegħu, u xejn aktar. (Sors Times of Malta) 

Nhar il‑Ġimgħa 11 ta’ Ġunju, tħabbret il‑mewt tal‑Isqof Malti fil‑Brażil, Monsinjur Walter Michael Ebejer fl‑età ta’ 91 sena. Il‑kundizzjoni ta’ saħħtu marret lura tant li kellu jiddaħħal l‑isptar. Mons. Ebejer, li jigi ħu l‑kittieb Francis Ebejer, kien membru tal‑Ordni Dumnikan. Fi stqarrija, il‑Kurja qalet li Mons. Ebejer kien l‑iżjed isqof Malti anzjan. Huwa serva bħala isqof għal aktar minn 40 sena, qabel 10 snin ilu rtira bl‑età. Hu għamel ’il fuq minn 60 sena missjunarju fil‑Brażil, fejn mar fl‑1957. Fl‑1976 Papa San Pawlu VI innominah l‑ewwel Isqof ta’ União da Vitória, u kien ikkonsagrat sena wara. L‑Isqof Ebejer twieled Ħad‑Dingli nhar it‑3 ta’ Awwissu 1929. Ordna saċerdot fl‑1954 u kien membru tal‑Ordni tal‑Predikaturi. Tliet snin wara beda l‑ħidma missjunarja l‑Brażil fejn kien ilu 64 sena; 44 sena minnhom bħala isqof. Irtira mit‑tmexxija tad‑Djoċesi ta’ Uniao da Vitoria, li tagħha kien l‑ewwel isqof, f’Jannar tal‑2007 meta kellu 77 sena, u baqa’ jgħix hemmhekk bħala Isqof Emeritu. L‑aħħar li żar Malta kien f’Jannar tal‑2017. Fl‑aħħar intervista tiegħu ma’ TVM kien stqarr: “Jien wara dan kollu, wara li ddedikajt ħajti għal Kristu, nixtieq narah. Għalija biżżejjed ikolli daqsxejn ta’ daħla żgħira fil‑bieb tas‑sema.” 

Dan l’artiklu miktub minn Claudia Cini f’Malta Missjunarja ta ‘ Lulju

Tista tara Malta Missjunarja online: https://issuu.com/missiomalta/docs/mm_lulju_2021_issuu_

Isqof Monsinjur Walter Michael Ebejer
Perit Anthony Micallef

Patri Gwann Xerri
Let your friends know! Share this: