IL QADDISA TAX XAHAR

Beata Alessandra Sabattini

Alessandra (Sandra) Sabattini twieldet fid‑19 t’Awwissu 1961, f’Riċċone, f’Rimini l‑Italja. Minn età żgħira dejjem xtaqet tgħix ħajja ta’ qdusija. Meta kellha 10 snin bdiet tikteb xi riflessjonijiet fuq karti żgħar u tħallihom f’xi kotba tal‑iskola, twaħħalhom fuq xi djarji jew fuq kartolini li qatt ma ntbagħtu. Fl‑1974 iltaqgħet mas‑serv t’Alla l‑Beatu Dun Oreste Benzi, fundatur tal‑Komunità Papa Ġwanni XXIII; komunità li tgħin nies fil‑bżonn. Dik is‑sena għaddiet is‑sajf tgħin nies b’diżabilità f’Dar Madonna delle Vetta f’Canazei. Din l‑esperjenza ħalliet impatt kbir fuqha, tant li lil ommha kienet tgħidilha li huma l‑voluntiera kienu jaħdmu sakemm jogħtru, imma ma kienu ser jaqtgħu qalbhom qatt.

Bħala adoloxxenti, Sandra kienet iffukata biex tgħin l‑aktar nies vulnerabbli fis‑soċjetà u kienet tuża l‑‘pocket money’ tagħha kollu biex tgħin nies fil‑bżonn li kienu tant qrib qalbha. Daħlet l‑Università ta’ Bologna fl‑1980 biex tistudja l‑mediċina. Kienet il‑ħolma tagħha li tkun tabiba u tmur missjunarja fl‑Afrika biex tieħu ħsieb dawk li ma kellhom lil ħadd. Waqt li kienet f’laqgħa tal‑komunità ltaqgħet ma’ żagħżugħ jismu Guido Rossi u saru jinħabbu. It‑tnejn li huma kellhom l‑istess ideal u kienu jaħdmu favur nies fil‑bżonn u daqshekk qrib qalbhom. Sandra u Guido tgħarrsu biex jiżżewġu, imma baqgħu attivi u jaħdmu mill‑qalb għan‑nies fil‑bżonn. It‑tfajla kienet kuljum tqum kmieni titlob fis‑skiet għarkupptejha mal‑art tgħaddi l‑ħin biss ma’ Ġesù f’kappella żgħira qrib fejn kienet toqgħod. Ġara li f’April tal‑1984, waqt li kienet fi triqitha għal waħda mil‑laqgħat tal‑komunità, ipparkjat il‑karozza tagħha, niżlet minnha u sfat imtajra minn karrozza oħra. Mietet fit‑2 ta’ Mejju 1984 fl‑Isptar Bellaria f’Bologna, fl‑età ta’ 22 sena. Il‑ħajja tagħha ispirat ħafna żgħażagħ minħabba l‑imħabba tagħha għall‑fqir u l‑batut.

Beata Alessandra Sabattini

F’Settembru tal‑2006, l‑isqof ta’ Rimini, Mons. Mariano De Nicolò beda l‑kawża tal‑kanonizzazzjoni tagħha. Fit‑2 t’Ottubru 2019, Papa Franġisku approva miraklu bl‑interċessjoni ta’ Sandra. Il‑beatifikazzjoni kellha ssir fl‑14 ta’ Ġunju 2020, imma minħabba l‑pandemija ġiet posposta għall‑24 t’Ottubru 2021. Sandra Sabattini għadha preżenti fil‑Knisja fejn tibqa’ ħajja fix‑xhieda tagħha tal‑imħabba. Hija ser tkun magħrufa bħala ‘l‑ewwel qaddisa għarusa’.“Il‑karità hija s‑sinteżi tal‑kontemplazzjoni u l‑azzjoni, hija l‑punt li fih is‑sema tingħaqad mal‑art, fejn il‑bnedmin jingħaqdu m’Alla.” Alessandra Sabattini

l’artiklu miktub minn Nancy Camilleri f’Malta Missjunarja ta’ Lulju.

Let your friends know! Share this: