Turist kien għaddej minn qrib moll f ’raħal ċkejken fil‐Messiku. Marbuta mal‐moll kien hemm dgħajsa tas‐sajd. It‐turist waqaf ifaħħar lis‐sajjieda għall‐qabda ħut li kellhom, filwaqt li staqsiehom kemm kienu damu biex qabdu dik il‐qabda kollha.
“Mhux wisq,” weġbuh ilkoll f ’daqqa. It‐turist ried ikun jaf għala ma baqgħux jistadu fuq il‐baħar aktar u b’hekk kien ikollhom qabda ħut wisq akbar. Is‐sajjieda fissrulu
li l‐qabda ħut li kellhom kienet biżżejjed għalihom u għall‐familji tagħhom. It‐turist reġa’ staqsiehom x’kienu joqogħdu jagħmlu meta ma jkunux jistadu.
U s‐sajjieda weġbuh:
“Aħna norqdu sa tard, nilagħbu ma’ wliedna u nieħdu xi sjesta mal‐mara. Filgħaxijiet immorru fil‐pjazza tar‐raħal niltaqgħu ma’ sħabna, nixorbu xi żewġ grokkijiet, indoqqu l‐kitarra u nkantaw xi għanjiet ukoll. Ħajjitna hija mimlija daqs bajda.”
It‐turist qalilhom li huwa kien gradwat mill‐Università ta’ Harvard u seta’ jgħinhom.
Tahom parir li kuljum jibdew idumu jistadu aktar
u b’hekk ikollhom ħut biżżejjed biex ibigħuh. Bil‐flus li jaqilgħu jkunu jistgħu jixtru dgħajsa akbar
u b’hekk jaqbdu aktar ħut. Bil‐flus ikomplu jixtru aktar dgħajjes tas‐sajd sakemm ikollhom flotta sħiħa. Il‐ħut li jaqbdu jibdew ibigħuh lil tal‐fabbriki u lil‐lukandi. Ikollhom iċ‐ċans ukoll li jiftħu fabbrika huma stess. Imbagħad jitilqu minn dak ir‐raħal ċkejken u jmorru jgħixu Mexico City, Los Angeles jew New York. Minn hemm ikunu jistgħu jmexxu aħjar l‐intrapriża tagħhom. Wara għoxrin jew ħamsa u għoxrin sena, meta n‐negozju jkun kiber sew, ikunu jistgħu jixtru u jbigħu l‐istokks u jagħmlu l‐miljuni!
“Tassew?” stagħġbu s‐sajjieda. “Imbagħad x’nagħmlu?” riedu jkunu jafu.
“Eee, wara tkunu tistgħu
tirtiraw, tmorru tgħixu f ’xi raħal ċkejken qrib il‐kosta, tibqgħu reqdin sa tard, tilagħbu ma’ wliedkom, taqbdu ftit ħut, tieħdu
xi sjesta ma’ martkom u filgħaxijiet tiltaqgħu ma’ sħabkom tgħidu kelma u tixorbu xi grokk,” weġibhom bid‐daħka t‐turist. “F’kelma waħda tgawdu l‐ħajja kemm tifilħu!”
“Bir‐rispett kollu, sinjur, imma dan hu eżatt li qed nagħmlu aħna. Allura għalfejn għandna naħlu ħamsa u għoxrin sena?” riedu jkunu jafu s‐sajjieda Messikani. Kun af fejn sejjer b’ħajtek, għax taf diġà wasalt!
Ħafna drabi fil‐ħajja, il‐flus mhumiex kollox. Għix ħajtek qabel il‐ħajja ssir bla ħajja
Malta Missjunarja Frar Editorjal- Claudia Cini