GĦALL‑JUM DINJI TAL‑MISSJONIJIET 2021
Fl‑24 ta’ Ottubru ta’ din is‑sena, il‑Knisja Universali tiċċelebra Jum il‑Missjoni. Aħna lkoll imsejħin biex inkunu dixxipli missjunarji. Kull fejn qegħdin irridu nwasslu x‑xhieda tal‑imħabba ta’ Ġesù għalina u d‑devozzjoni tagħna lejh, b’mod speċjali bis‑solidarjetà tagħna mal‑proxxmu. Imma f’dan il‑Ħadd partikolari niftakru f’tant nies ġenerużi: saċerdoti, reliġjużi u wkoll lajċi, li jagħtu ħajjithom f’artijiet imbiegħda minn pajjiżna biex ikunu ta’ servizz għall‑komunitajiet lokali u jwasslu x‑xhieda tal‑Evanġelju, bil‑ferħ u l‑għaqda li jġib miegħu l‑messaġġ ta’ Ġesù.
Jiena naf li l‑missjunarji tagħna qed jiltaqgħu ma’ sitwazzjonijiet tassew diffiċli, b’mod speċjali f’sena li għadha mmarkata bil‑pandemija COVID‑19. Ħafna minnhom jiltaqgħu ma’ popolazzjonijiet sħaħ fl‑irħula mbiegħda, fil‑muntanji jew ħdejn ix‑xmajjar, u li m’għandhom l‑ebda faraġ jew għajnuna medika. Hemm diversi missjunarji Maltin u Għawdxin li qegħdin jużaw ir‑riżorsi li qed nagħtuhom mhux biss biex ikomplu jxandru l‑Evanġelju, imma wkoll biex ikomplu l‑kmand ta’ Ġesù meta lid‑dixxipli tahom il‑qawwa li jfejqu; ifejqu wkoll permezz tal‑mediċina moderna.
Nixtieq li f’dan il‑Jum Missjunarju partikolari tal‑2021 nitolbu ħafna għall‑missjunarji tagħna, imma mhux biss. Nitolbu għall‑missjunarji kollha tal‑Knisja Kattolika li qegħdin jaħdmu f’sitwazzjonijiet diffiċli li huma milquta mill‑għargħar, min‑nirien kbar jew mit‑terremoti. F’dawn il‑popolazzjonijiet li aħna niltaqgħu magħhom permezz tal‑mezzi ta’ komunikazzjoni, hemm ukoll l‑għatx għall‑Kelma ta’ Ġesù, għall‑ferħ ta’ min iħossu maħbub u maħfur. Kull għotja tagħna, żgħira kemm hi żgħira, hija att ta’ mħabba li jagħmel kuraġġ lil dawn ħutna li mhux biss qegħdin jagħtu ħajjithom, imma wkoll qegħdin jiltaqgħu ma’ Ġesù fil‑proxxmu.
Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta