Messaġġ mill-Assistent Direttur
Il‑ġist tal‑messaġġ għall‑Ġurnata Missjunarja ta’ din is‑sena huwa wara kollox: ‘Xhieda u Profeti’. Dan iġegħelna l‑ewwel nett nippruvaw nifhmu kif nistgħu nkunu ta’ xhieda għall‑Vanġelu u kif ukoll nistgħu nkunu profeti t’Alla. Minħabba li aħna mgħammda u rċevejna d‑don tal‑fidi, aħna għandna ‘jkollna simpatija lejn id‑dinja’ wkoll, u nħarsu fil‑bogħod lejn il‑futur. L‑imħabba t’Alla li narawha tant sabiħa f’Ġesù, mhix kliem fl‑arja imma hija mħabba konkreta, inkarnata fid‑dixxipli li huma lkoll missjunarji; missjunarji ta’ kull età u kapaċità.
L‑Ispirtu s‑Santu, fl‑immaġinazzjoni tiegħu ma jiqafx imiss il‑qlub ta’ rġiel u nisa għas‑sejħa missjunarja. Ħafna drabi din tibda minn kelma, li hija Ġesù stess, li tolqotna b’mod partikulari minħabba ċ‑ċirkustanzi li nkunu għaddejjin minnhom. Alla jkellimna, jistedinna u jagħtina l‑kuraġġ biex ma nibżghux inkunu dak li Hu jixtieqna li nkunu. Alla għandu pjan mill‑isbaħ għal kull wieħed u waħda minna. Jekk noħolmu li l‑umanità tista’ tkun aħjar, din tibda minna. Papa Franġisku jgħidilna: “…ħalli nistagħġbu, nibqgħu mbellha, u fuq kollox noħolmu. Oħolmu! Oħolmu b’dinja li għadna ma rajniex. Għax l‑affarijiet sbieħ jitwieldu minn viżjonijiet tajba li bdew mill‑ħolm ta’ xi nies. Għixu, Ħobbu, Oħolmu, Emmnu!”
Il‑Ġurnata Missjunarja hija stedina għal min iħobb joħlom affarijiet sbieħ biex jemmen li Alla qed jilħaqna b’din l‑istedina sorprendenti tiegħu u qed jgħidilna: “Kun il‑ħolma tiegħi, kun parti mis‑saltna tiegħi fid‑dinja tal‑lum. Tibżax, għax jiena dejjem miegħek.” Dan mhux biss jagħmlilna kuraġġ, imma wkoll jagħmilna xhieda tal‑fedeltà t’Alla lejn il‑bnedmin u jagħmilna mezzi biex inwasslu l‑ħniena tiegħu lejn dawk li niltaqgħu magħhom matul il‑vjaġġ ta’ ħajjitna.
Dun Victor Agius
Assistent Direttur – Missio Malta