Inħarsu Lejn Il-Kewkba U Nimxu

Fil-Festa tal-Epifanija ta’ din is-sena, Papa Franġisku tkellem dwar il-vjaġġ twil u mimli sagrifiċċju tal-Maġi. Jgħid li huma mxew wara sinjal straordinarju ta’ kewkba u meta waslu, ma sabux xi ħaġa gradjuża, imma tarbija m’ommha. Huma ma pprotestawx għax ma sabux dak li stennew. 

Din lili laqtitni għax lil dawn il-Maġi nqabbilhom ħafna maż-żgħażagħ tal-lum. Dan għaliex iż-żgħażagħ jimxu dejjem mal-fatti. Dejjem jistaqsu u dejjem ifittxu. Għalhekk, huwa dan l-ispirtu li dejjem jitkellem fuqu Papa Franġisku, għaliex meta tistaqsi u tfittex, dejjem tispikka l-umiltà. Dejjem b’qalbek u b’moħħok miftuħin għall-oħrajn, u taċċetta lill-oħrajn. Din l-umiltà tinkiseb billi tiċċekken, twarrab l-ideat tiegħek, u tiżvojta minnek innifsek u tagħmel ħafna wisgħa għal Alla. 

pexels-rakicevic by pixels
Ryan Delfin by Pexels

Hawnhekk ma nistax ma nsemmix il-messaġġ ta’ Papa Franġisku liż-żgħażagħ f’Novembru li għadda, fejn qal li ż-żgħażagħ għandhom potenzjal kbir u jidher mad-dinja kollha li jiżirgħu ż-żerriegħa tat-tama. Dawn narawhom jingħaqdu biex fil-ħajja tagħhom isalvaw il-ħajjiet, narawhom jġibu l-paċi u jibnu l-pontijiet. U dan huma għandhom il-qawwa li jagħmluh fil-ħajja ta’ kuljum bis-sempliċità, bl-għerf, bl-entużjażmu u b’passjoni, imma fuq kollox b’imħabba f’dak kollu li jagħmlu. Dan l-ispirtu huwa verament ta’ inspirazzjoni għalina lkoll. Il-Papa jgħid li ma nistagħux nibdew mill-ġdid mingħajrhom, proprju għax ma jieqfu qatt minn din it-tfittxija għall-verità.

Il-Maġi, għalkemm kienu nies ta’ poter, magħrufin u għonja nxteħtu fl-art iqumuH. Sempliċi tarbija! Din l-umiltà tinkiseb billi tiċċekken u jkun hawn li tinduna bil-preżenza t’Alla. Il-Papa jistedinna nistaqsu: “Kif inhi l-umiltà tagħna?” Is-suppervja ttappan l-entużjażmu għal Alla. Entużjażmu li għandna bżonnu!

Ma naqtgħu qalbna qatt u nibqgħu nfittxu lil Ġesù fl-affarijiet ta’ kuljum, fiż-żgħir u fis-sempliċi, u għalhekk il-Papa faħħar inzjattivi li jsiru mit-tfal fil-Festa tal-Infanzja Missjunarja.  It-tfal u l-adolexxenti, il-Papa jgħid li huma bil-bosta f’ħafna pajjiżi tad-dinja, impenjati fit-talb u joffru dak li jfaddlu lil dawk li ma jafux. Din hija mentalità li rridu nrawmu fihom, li jaħsbu fl-oħrajn, biex jibqgħu jkunu kreattivi u jsibu modi kif isosstnu lil xulxin. Papa Franġisku qed jistedinna biex dak li nagħmlu, nagħmluh għal Ġesù. Dan turihulna wkoll Marija li qatt ma neħħiet ħarsitha minn fuq Ġesù u qatt ma waqfet timxi.

Nancy Camilleri

Koordinatrici Santa Nfanzja – Missio Malta

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *