Programmi Kulturali minn MissioTfal

Fuq NET TV

Parti mix-xogħol ta’ MissioTfal huwa li joħloq għarfien fuq il-missjoni mat-tfal sa minn età żgħira. Għal dan il-għan, MissioTfal beda jagħmel programmi fuq Net TV bl-isem ta’ MissioTfal. Dawn huwa programmi ta’ għaxar minuti kuljum fejn nagħtu informazzjoni dwar pajjiżi differenti u nitgħallmu fuq il-kulturi tagħhom. Nagħtu wkoll informazzjoni fuq xi wħud mit-0tradizzjonijiet tagħhom. Kull programm ikollu wkoll sessjoni ta’ kraft relatata mal-pajjiż li nkunu qed nitkellmu dwaru. 

Peress li ħafna nies fid-dinja llum il-ġurnata jivvjaġġaw minn post għall-ieħor u anke jgħixu f’pajjiżi oħra għal tul ta’ żmien, jitgħallmu l-kulturi tal-post, il-lingwa u l-użanzi. Tajjeb li n-nies tal-pajjiż li jkunu qed jospitaw jitgħallmu ftit dwar il-kulturi tan-nies barranin. Dan itejjeb il-komunikazzjoni billi ssir taf lil dak li jkun, tkun tista’ tifhem is-sitwazzjoni tiegħu u anke l-istorja tiegħu. Dan kollu joħloq ħbiberija ta’ vera u ġenwina.

Għalhekk tajjeb li nippromwovu kulturi differenti ta’ pajjiżi diversi sabiex noħolqu l-għaqda, anke permezz tal-medja. Dan huwa x-xogħol tagħna wkoll bħala missjunarji.

Waqt laqgħa li Papa Franġisku kellu mal-membri tal-Catholic Media, huwa qal: “Li taħdem fis-servizz tal-verità, ifisser li tfittex l-affarijiet li jrawmu l-komunjoni u jippromwovu l-ġid ta’ kulħadd, mhux dawk li jiżolaw, jaqsmu u jopponu.”

Li niltaqgħu ma’ nies differenti b’kulturi differenti u li għalkemm differenti nagħmlu minn kollox biex nitgħallmu minnhom, iwessa’ l-viżjoni u jwassal għal veru komunikazzjoni. Dan għaliex tkun tista’ tempatizza mal-persuna l-oħra u tkun taf anki minn xiex għaddiet. Din hija rikkezza li tiftaħ il-moħħ u l-qalb għal dawk ta’ madwarna. Li tagħmel konverżazzjoni ma jfissirx biss li titkellem, imma jfisser li tiltaqa’ ma’ dak li jkun, tkun miegħu, tagħti kasu, tifhmu u fuq kollox tidħaq jew tibki miegħu. Din hija importanti biex nitgħallmu naraw l-affarijiet minn lenti differenti billi naqsmu l-ideat. B’dan il-mod tikber il-kapaċità tagħna li nkunu kreattivi. B’din it-tip ta’ komunjoni nindunaw ukoll kemm fil-verità aħna l-istess.

Artiklu minn Nancy Camilleri

Koordinatriċi – Missio Tfal

Let your friends know! Share this: