IL-‘QATTIEL SIEKET’ TAL-ALBINI AFRIKANI

Fanileti Nangwale, minn Chikwawa, fi-Reġjun tan-Nofsinhar fil-Malawi, hija omm albina ta’ ħamest itfal. Xi snin ilu, hija sfat maħruqa ħajja minn xi nies li jemmnu li l-albini huma saħta u jġibu xorti ħażina. Mill-banda l-oħra, fil-Malawi u f’pajjiżi oħra qrib, nies albini bħal Fanileti huma mfittxija biex jinqatlu għaliex jemmnu li partijiet minn ġisimhom iġibu risq tajjeb u saħħa. L-omm tgħix kull ġurnata muġugħa minħabba l-ħruq li ġarbet u l-ġrieħi li għandha kkawżati mix-xemx. Fost oħrajn l-omm spiċċat bla xagħar u xofftejha mikulin. Din hija kundizzjoni li taffetwa lill-albini Afrikani, li minħabba l-ġilda ċara u delikata tagħhom jispiċċaw litteralment maħruqin bix-xemx, li fl-Afrika hija qawwija ħafna. Bi ftit flus din l-omm tista’ faċilment ittaffi xi ftit mill-uġiegħ li għaddejja minnu u fl-istess ħin tipproteġi l-ġilda tagħha, dan billi jinxtrawla l-krema ta’ kontra x-xemx u mediċina. Sfortunatament, il-ħsara diġà saret u Fanileti llum il-ġurnata żvilluppala kanċer tal-ġilda. Idealment hija tibqa’ ġewwa tistkenn mill-qilla tax-xemx, iżda l-omm ikollha toħroġ taħdem fl-għelieqi sabiex tmanti lil uliedha. Fl-eqqel tal-ġurnata f’għelieqi ma jkunx hemm nitfa dell fejn Fanileti tkun tista’ tistkenn jew forsi żżomm umbrella f’idha, għaliex inkella kif ser taħdem?

Dak li għalina l-Ewropej li napplikaw il-krema ta’ kontra x-xemx huwa neċessità bażika speċjalment fix-xhur sħan tas-sajf, għall-albini fl-Afrika, dan huwa lussu li ma jifilħux għalih. Il-faqar jaqbad lill-albini f’ċiklu vizzjuż fejn ħafna minnhom jispiċċaw jaħdmu fl-għelieqi barra fix-xemx u l-espożizzjoni tagħhom għax-xemx ta’ kuljum flimkien mal-kundizzjoni tagħhom li ma jkollhomx melanin fil-ġilda biex jipproteġuhom, għandhom riskju wisq ogħla li jbatu l-kanċer tal-ġilda. Protezzjoni mix-xemx effettiva tgħin lill-albini jipproteġu lilhom infushom mir-raġġi tax-xemx qawwija tal-Ekwatur.

Grazzi għal diversi donazzjonijiet, Missio qed jgħin lil Fanileti fil-bżonn bażiku tal-mediċina u l-krema kontra x-xemx. L-omm ilha snin twal tbati kemm bil-problema tal-ġilda kif ukoll il-faqar. Riċentament, kawża ta’ għargħar li laħaq ir-raħal fejn tgħix, Fanileti u ħafna familji oħra tilfu djarhom. Bħalissa l-omm qed tgħix f’gorboġ flimkien ma’ ommha. Huma m’għandhomx biżżejjed ikel u lanqas ħtiġijiet oħra. Dan, flimkien maż-żjarat tagħha fl-isptar li trid tagħmel, qed jagħmlu l-ħajja tagħha diffiċli ħafna. Għalhekk, Missio qed jitlob l-għajnuna tagħkom sabiex għal darba oħra nerġgħu ngħinu lil Fanileti kif ukoll familji oħra fil-Malawi jibnu djarhom mill-ġdid ħalli jgħixu ħajjithom b’dinjità.

Grazzi tad-donazzjonijiet tagħkom. 

#ilmissioint #hopemissiofest

Let your friends know! Share this: